Kważi tlett snin wara minn meta tħabbar il-pjan, ġie mniedi s-servizz ta’ Night Tube f’Londra; biex issa s-servizz ta’ ferroviji ta’ taħt l-art – jew kif inhu magħruf aħjar il-London Underground, huwa iżjed flessibbli u effiċjenti.
Issa kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt, il-Victoria Line u s-Central Lines se jkunu qed joperaw ukoll bejn in-nofs siegħa u l-ħamsa u nofs ta’ filgħodu.
Huwa mistenni li mal-ħamsin elf persuna jużaw is-servizz bil-lejl kull tmiem –il ġimgħa; u ġaladarba s-servizz ikun estiż għar-rotot kollha, il-passiġġieri huma mistennija jilħqu l-mitejn elf.
Il-pjanijiet għal dan is-servizz issemmew għall-ewwel darba f’Novembru ta’ tliet snin ilu, u kellu jibda jopera f’Settembru tas-sena l-oħra.
Madanakollu minħabba diversi strajks mill-impjegati tal-London Underground tul iż-żmien, il-ftuħ tas-servizz ġie pospost għal dan is-Sajf.
Fil-lejl tal-ftuħ kien hemm madwar mitt uffiċjal tal-Pulizija jissorveljaw il-madwar, għalkemm is-Supretendent Chris Horton insista li l-passiġġieri m’għandhomx għalfejn iħossuhom inqas siguri milli kieku qed jivjaġġaw tul il-jum.
Assigura xorta waħda li s-sigurtà se tkun preżenti bħal fil-ġurnata, biex jekk jinqala’ l-bżonn t’intervent, ikunu preparati għal azzjoni immedjata.