21 ta’ Ġunju – Illum hija l-ewwel ġurnata tal-istaġun tas-Sajf dan ifisser li dan il-jum huwa l-itwal wieħed tas-sena. Minkejja li s-sħana bdiet ġmielha u li n-nies diġà bdew imorru l-baħar, illum hija l-ġurnata uffiċjali li fiha jibda dan l-istaġun maħbub mill-bosta u mhux daqshekk minn oħrajn.
Is-Sajf f’pajjiżna huwa assoċjat, fost oħrajn, mal-vaganzi dan hekk kif it-tfal f’dan l-istaġun ikollhom tliet xhur ta’ mistrieħ u għalhekk ikollhom iċ-ċans li jgawdu l-baħar flimkien mal-familjari u ħbieb tagħhom.
Fi ġżira bħal Malta, li hija mdawra bil-baħar, dan l-istaġun ifisser ukoll aktar turisti f’pajjiżna li fil-maġġoranza tagħhom lura fejn jgħixu ikun hemm il-kesħa u għalhekk it-temperaturi għoljin u l-bajjiet mill-isbaħ ta’ Malta jinżlu għasel magħhom. Jinżel għasel ukoll l-ikel bnin tas-sajf, dak il-BBQ fuq xi bajja mal-ħbieb u dak il-ġelat frisk li jgħinek tiġġieled is-sħana tal-jum.
Iżda dan l-istaġun huwa wieħed kiefer għal dawk li jħossu ħafna sħana u għal dawk li jaħdmu fil-qilla tax-xemx. Fil-fatt, għal dawn it-tbassir tat-temp għall-ġranet li ġejjin ma tantx huwa aħbar sabiħa.
Dan hekk kif sa tmiem il-ġimgħa, t-temperaturi se jkomplu jiżdiedu. L-ogħla temperatura se tilħaq it-32 grad celcius u se tinħass daqslikieku 34 grad celcius.