Ingħata bidu għax-xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi tas-saqaf ġewwa l-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ madwar €60,000, parzjalment ko-finanzjat minn fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Ir-restawr huwa neċessarju wara li l-pitturi tas-saqaf tmermru kważi kompletament, u għaldaqstant inħass il-bżonn li jkun hemm intervent dirett li jerġa’ jagħti l-ħajja lis-sbuħija artistika tal-parti tas-saqaf ta’ fuq l-artal. Dawn il-pitturi se jitpittru mill-artist Manuel Farrugia.
Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett, Daniel Darmanin, ta spjegazzjoni tax-xogħlijiet.
“Fil-ġranet li għaddew intrama saqaf temporanju magħmul minn travi u injam, biex jinħoloq aċċess għas-saqaf, u b’hekk l-ispazju fil-Knisja jkun jista’ jibqa’ jintuża waqt li qed isir ix-xogħol. Dan is-saqaf temporanju se jagħti l-opportunità biex il-ħsarat eżistenti jiġu studjati mil-qrib u jiġu mgħarbla l-interventi neċessarji qabel tkun tista’ ssir il-pittura.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fl-arti reliġjuża f’pajjiżna u sostna li dan ix-xogħol jingħaqad ma’ kullana ta’ interventi li seħħew f’diversi knejjes u kappelli mifruxa madwar Malta kollha.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-Arċipriet Daniel Cardona.