Il-ħamiem selvaġġ jista’ jkun sors ta’ periklu għas-saħħa apparti ħsarat fil-binjiet u proġett tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali propju jrid jindirizza dan.
Fil-fatt f’madwar mija u tmenin sit madwar il-pajjiż mistenni jitpoġġa għalf apposta għal ħamiem selvaġġ li huwa kontraċettiv, biex il-ħamiem selvaġġ ma jkomplix jirriproduċi.
Il-metodu tal-għalf magħżul kien riċerkat u huwa simili għal dak li jsir fi bliet Ewropej oħra.
L-espert fl-immaniġġjar tal-pesti li se jieħu ħsieb dan il-proġett irrimarka kif dan it-tip ta’ għalf mhux ser jaffettwa l-bijodiversità u l-ħajja ta’ speċi oħra.
Arnold Sciberras saħaq ukoll li lanqas il-ħamiem tal-ġiri li jitrabba anki fil-guvi mhu ser ikun affettwat.
“Differenza li b’mod sostenibbli gradwalment il-popolazzjonijiet vera jonqsu b’tali mod li ma jibqgħux jagħmlu impatti. U fl-istess ħin jonqsu b’mod dinjituż kemm jista’ jkun li l-ħamiema ma ddisturbajthiex mill-ħajja naturali tagħha.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava stqarr kif dan il-proġett kien ilu mistenni mir-residenti tal-lokalitajiet milquta.
“Nafu li hemm diversi problemi f’ħafna lokalitajiet biss biss hemm aktar minn mija, wieħed u tmenin sit madwar il-lokalitajiet kollha li qed ibatu minn din il-problema. Il-metodu li qegħdin nużaw huwa metodu ta’ sterilizazzjoni jiġifieri bl-ebda mod mhu ser issir ħsara jew jinqerdu xi ħamiem.”
Waħda mis-Sindki tal-lokalitajiet imsieħba f’dan il-proġett laqgħet b’sodisfazzjon din il-ħidma favur saħħet ir-residenti.
“Naħseb huwa pass importanti mhux biss għal-lokalità tal-Floriana imma anki l-lokalitajiet tal-madwar u dawk il-lokalitajiet li huma affettwati bl-invażjoni ta’ dawn il-ħamiem li fl-aħħar mill-aħħar iħallu dell ikrah fil-lokalità.”