Min-nhar it-Tnejn, il-Gvern se jniedi proġett pilota li bih il-pazjenti kollha li għandhom id-dijabete u jagħmlu użu mill-insulina se jirċievu l-istikek kollha li hemm bżonn biex jiċċekjaw il-livell taz-zokkor b’xejn mill-ispiżerija tal-għazla tagħhom.
Il-lokalitajiet fejn se jibda’ jitħaddem il-proġett pilota huma San Ġiljan, Gudja, Imġarr u Kerċem.
Ħabbar dan il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li fakkar li s’issa kienu biss il-pazjenti li jbagħtu mid-dijabete Type 1 li kienu jirċievu dawn l-istikek b’xejn.
Barra minn hekk, il-Gvern se jħaddem sistema ġdida li biha l-istikkek li jipprovdi l-gvern imorru dritt fl-ispizeriji u mhux jinħażnu f’imħazen tal-Gvern. Il-Gvern se jħallas biss meta jkunu konsenjati u mhux qabel. B’hekk tiżdied l-efficjenza fl-amministrazzjoni tas-sistema tas-saħħa.
Bħalissa f’pajjiżna hawn 6,000 persuna li tieħu l-Insulina kuljum.