Mifrux fuq spazju ta’ madwar 2,000 metru kwadru, ġnien ġdid fi Triq il-Għasel fil-Mellieħa hu wieħed minn 16-il proġett li qegħdin isiru fuq proposta tal-kunsilli lokali, bl-appoġġ finanzjarju mill-entità Project Green. L-investiment f’dan il-proġett mistenni jiżboq iż-€2 miljun.
Waqt żjara fuq is-sit fejn se jkun qed isir dan il-proġett, il-Kunsill tal-Mellieħa, flimkien ma’ Project Green, taw spjegazzjoni lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, dwar dak propost.
Il-ġnien se jinkludi spazji ta’ rilassament, imdawwar b’siġar indiġeni biex jiżdied d-dell, żoni tal-logħob għat-tfal, spazju bħala workshop edukattiv u żona oħra għad-dakkara.
Parti mix-xogħlijiet jinkludu r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ mad-dawra tal-ġnien, waqt li, għas-sostenibbiltà tal-ispazju miftuħ, se jiġi installat dawl li jaħdem bl-enerġija mix-xemx. Se jsir ukoll ġibjun apposta biex issir it-tisqija fil-ġnien u l-materjal użat fl-art se jippermetti li l-ilma tax-xita jibqa’ nieżel u jinġabar fil-ġibjun.
“Hawnhekk, proprju fil-Mellieħa, għandna elfejn metru kwadru ta’ art, li setgħet inbniet, u, minflok, illum se ssir spazju miftuħ, ġnien, park għall-familji u għal dawk li jżuru l-lokalità tal-Mellieħa. U hawnhekk rajna li nkunu qed nagħtu importanza lill-aspett edukattiv u allura qed inġibu flimkien spazju miftuħ, aspett edukattiv, u spazju li flok inbena, qed jingħata lura lin-nies.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Project Green, Joseph Cuschieri, semma kif il-Community Greening Grant hu eżempju ċar ta’ kif l-entità qegħda taħdem bis-sħiħ mal-kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi biex jinħolqu spazji miftuħa ġodda qrib id-djar tan-nies.
Qal li bħalissa għaddej ukoll ħafna xogħol, minbarra dan il-proġett fil-Mellieħa. Numru minn dawn il-proġetti diġà mexjin ġmielhom, fosthom il-proġett tal-Fruit Forest fl-Imtarfa, dak ta’ Għajnsielem f’Għawdex u l-picnic site f’Ħal Għaxaq.
Is-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella, spjega li, wara li l-kunsill, issottometta l-pjani lill-Awtorità għall-Ippjanar, għaddej il-proċess biex joħorġu l-permessi neċessarji, ħalli b’hekk ikun jista’ jingħata bidu għax-xogħol fiżiku fuq il-ġnien, li se jkun wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru fil-lokalità.