F’pajjiżna bdew id-diskussjonijiet sabiex ikollna mudell ta’ ġustizzja riparattiva għat-tfal u żgħażagħ
Din ser tkun qed tara li jintgħażel id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni fuq it-tpattija.
Dan il-proċess se jkun qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà flimkien mal-Ministeri għall-Ġustizza u għall-Edukazzjoni.
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-Fondazzjoni, qalet kif dan kollu se jħalli frott fl-iskejjel tagħna. “Inkomplu nħeġġu lit-tfal fil-valuri tar-rispett u d-dinjità lejn xulxin, imma wkoll f’dawk il-ħiliet ta’ komunikazzjoni biex anke meta tinqala’ kwistjoni l-iskola ġol-klassi, it-tfal mhux imorru għal xulxin imma jkunu kapaċi jitkellmu u jesprimu rwieħhom u hemm allura jistgħu isibu soluzzjoni.”
F’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta wara nofshinar, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal kif dan kollu se jimmodernizza s-sistema b’mod li jindirizza l-firda bejn il-komunità u l-istituzzjonijiet.
Filwaqt li l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana sostniet kif dan l-eżerċizzju se jkollu impatt dirett fuq uliedna, jgħinhom fl-iżvilupp tagħhom, iġib bidla fil-mentalità iżda l-aktar importanti, jagħmilhom ċittadini aħjar ta’ pajjiżna.
Hawnhekk Marie-Louise Coleiro Preca spjegat x’inhu l-pass li jmiss f’dan il-proċess. “L-ewwel ħa nibdew billi se nistaqsu lit-tfal x’jaħsbu, iġifieri l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tat-tfal hija ċ-ċentrali imbgħad fil-ġimgħat li jmiss se nlaqqgħu l-imsieħba kollha li jaħdmu fis-settur mat-tfal. Inġibu quddiemhom dak li qalulna t-tfal u flimkien niżviluppaw dak li qed ngħidulu l-mudell Malti għall-ġustizzja restorattiva.”
Il-Fondazzjoni fittxet ukoll il-parir professjonali ta’ antropoloġista f’Universtia Amerikana, biex tiggwidaha fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett u t-tfassil tal-Mudell ta’ Malta għall-Ġustizzja Riparattiva għat-Tfal.