Il-Ħadd filgħaxija, l-istatwa artistika ta’ San Gejtanu xogħol Karlu Darmanin, bdiet il-vjaġġ tagħha lejn il-Belt tal-Vatikan, fejn se tkun parti minn pellegrinaġġ li se jsir f’Ruma fl-okkazzjoni tal-500 sena mit-twaqqif tal-Ordni tal-Kleriċi Regolari tat-Teatini, li San Gejtanu stess kien waqqaf.
Grupp ta’ 21 Ħamruniż se jkunu fil-Vatikan, fejn fil-bidu, il-vara ta’ San Gejtanu se tkun fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea della Valle u imbagħad wara jsir il-Pellegrinaġġ, minn hemm li jintemm fil-Arcibażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, bis-sehem ukoll taż-żewġ baned tal-paroċċa.
Il-vara ta’ San Gejtanu b’kollox se ddum xahar sħiħ f’Ruma, Settembru kollu u tkun lura Malta fil-bidu ta’ Ottubru fejn se jsiru ċelebrazzjonijiet li jfakkru din l-okkażjoni kbira u storika.
Għall-Ħamruniżi, din is-sena hija waħda speċjali. Sena oħra importanti minn kullana ta’ anniversarji li qed ikunu ċċelebrati, marbuta mal-wirt kbir, li ħalla l-qaddis tal-providenza San Gejtanu.