Il-Proġett tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ta’ Rintroduzzjoni tal-Barbaġann issa beda, anke bis-saħħa tal-appoġġ mogħti lill-FKNK kmieni din is-sena mill-Ministeru tal-Ambjent, permezz ta’ l-Iskema ta’ ‘Conservation of Wild Birds Funding Scheme’.
Fil-fatt, il-guvi rispettivi huma fil-preżent qrib it-tlestija. Dawn qed jinbnew biswit ir-“Razzett tal-Bagħal”, li jinsab fil-ġonna tal-Buskett.
Il-proġett tal-FKNK huwa mmirat biex jistabbilixxi mill-ġdid popolazzjoni sostenibbli ta’ barbaġann li jerġa jibda jbejjet f’ambjent adattat f’Malta u Għawdex, permezz tar-rilaxx fis-selvaġġ ta’ kampjuni mrobbija fil-magħluq.
Ir-“Razzett tal-Bagħal”, ilu amministrat mill-FKNK mill-2015 bħala riżultat ta’ ftehim mal-istess Ministeru, u jikkonsisti minn razzett tal-wirt storiku konvertit li kien jappartjeni għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu 17.
It-turisti u t-tfal tal-iskola jżuru regolarment dan ir-razzett, li wkoll jintuża kultant minn soċjetajiet oħra, bħal ‘birdwatchers’, ‘astronomers’ u l-fotografi.
Fir-Razzett wieħed isib Ċentru ta’ Interpretazzjoni, Vetrina-Mużew tal-Kaċċa, ‘Reception’ ta’ Informazzjoni u Kmamar għal-Laqgħat.