Jingħata bidu għall-akbar proġett ta’ afforestazzjoni fin-naħa t’isfel ta’ Malta; il-Park tal-Inwadar f’Wied il-Għajn.
Il-Park huwa wieħed mill-proposti fil-Budget għal din is-sena, li se jsir b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro fuq medda ta’ ħames snin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli fejn tat spjegazzjoni dwar ix-xogħol li se jsir fil-park.
Il-proġett deskritt ambizzjuż se jkun mifrux fuq 315,000 metru kwadru u se jitħawlu mal-50,000 siġra.
L-afforestazzjoni f’Tal-Inwadar se tkun ikbar minn dik tal-Buskett.
Il-Ministru Dalli spjegat kif Parks Malta għaddejja bit-tfassil tal-pjan maniġerjali għal Park Nazzjonali tal-Inwadar, biex jiġu identifikati ż-żoni differenti li huma art agrikola, art privata jew bi qbiela.
“Għaqqadna flimkien ukoll l-input ta’ periti li ġew mill-privat bl-ideat tagħhom u naħseb din is-sinerġija hija l-isbaħ ħaġa li verament tista’ tgħinna nkomplu nagħti spazji pubbliċi, spazji ħodor, pulmuni ta’ ambjent naturali lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Nicholas Mallia, wieħed mill-24 perit li qed jaħdmu fuq dan il-proġett semma kif bħalissa għaddejjin preparamenti biex il-park ikun sostenibbli.
“Wasalna li hawnhekk l-aktar ħaġa sabiħa li hawn, forsi li mhix ovvja, li hawn l-impjant tad-dranaġġ ta’ Barkat propju fix-xifer tal-park li kapaċi jipprovdi l-ilma naturali kollu li għandna bżonn biex insostnu dan il-proġett.”
Nicholas Mallia – Perit
Il-Perit Mallia tenna li l-bidu ta’ dan il-proġett huwa pass importanti għall-pajjiżna.
“La darba qegħdin hawn illum u għamilna dan l-ewwel pass, kull vjaġġ, anke l-itwal wieħed jibda bl-ewwel pass. La qegħdin hawn, id-direzzjoni ħadniha u konvint li ħa naslu.”
Nicholas Mallia – Perit
Bħalissa, Parks Malta għaddejja bix-xogħol preparatorju permezz ta’ tindif tas-siti ġewwa dan il-Park minn speċi aljeni u invażivi.
Dr Steve Borg, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Governanza tal-Inwadar, qal li l-progress fil-Park tal-Inwadar jidher f’diversi oqsma, fejn l-attività fil-park qed tiżdied filwaqt li anke tpoġġew kameras tas-sigurtà.
“Qed naraw żieda fenomenali ta’ nies, anke barranin, turisti, li jiġu jimxu minn Wied il-Għajn għax-Xgħira u lura. Kulħadd qed japprezza l-ħidma l-kbira li qed nagħmlu.”
Steve Borg, Chairman tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar