Ftit tal-jiem wara li tħabbar ftehim bejn id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni u ħames kunsilli lokali, dan il-ftehim diġà beda jħalli l-frott.
Il-ftehim, li jinkorpora fih il-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Birkirkara, Marsaxlokk, Birżebbuġa, u ż-Żurrieq, huwa dwar proġett pilota fuq medda ta’ sitt xhur li se jsaħħaħ il-effiċjenza tal-indafa fit-toroq sekondarji.
Dan l-istazzjon segwa ftit mill-ħidma li bdiet issir f’Birkirkara, fejn innota mhux biss il-knis li kien qiegħed isir f’diversi toroq residenzjali iżda wkoll it-tneħħija ta’ skart ikkunsidrat goff mill-istess postijiet.
Fost l-oħrajn, kien hemm ukoll qtugħ ta’ ħaxix ħażin li jitla’ taħt il-bankini li, jekk jitħalla għal perjodu twil ta’ żmien, jaf joħloq ostaklu għal min ikun miexi.
Fuq il-post tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, li nnota l-impenn tad-Diviżjoni li jmexxi biex tibqa’ viċin il-komunità billi tipprovdi l-assistenza fejn ikun hemm bżonn mingħajr ma tindaħal f’xogħol il-kuntrattur imqabbad mill-kunsill lokali.
“Aħna rridu nkunu viċin il-komunità, viċin ir-residenti u, għalhekk, dan il-proġett pilota se jagħtina l-indikaturi biex, wara s-sitt xhur li ġejjin, se nkunu qegħdin nevalwaw xi tkun it-triq ’il quddiem. Nagħmilha ċara li aħna m’għandna l-ebda intenzjoni li nieħdu, bħala dipartiment tal-Gvern, xogħol il-kuntrattur.”
Ramon Deguara nnota li l-Gvern xorta waħda għandu d-dover li jgħin, b’mezzi ulterjuri, fejn ikun hemm bżonn.
Huwa semma wkoll s-sentiment tal-pubbliku, li laqa’ tajjeb dan il-proġett minkejja li għadu fl-istadji inizjali tiegħu.
Dwar dan ħadna r-reazzjoni tas-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech.
“Il-knis irid isir, importanti ħafna, għan-nies ta’ Birkirkara, l-importanza hija l-indafa – ifittxuha ħafna l-indafa, fosthom il-qtugħ tal-ħaxix. Issa b’dan il-proġett pilota mexjin tajjeb ħafna.”
Debono Grech żiedet tgħid li x-xogħol ta’ tindif li qiegħed isir qiegħed ukoll jiġi ssorveljat filwaqt li rringrazzjat lil awtoritajiet u lil dawk kollha li għenu sabiex dan il-proġett isir f’din il-lokalità wkoll.
Lil hinn minn Birkirkara, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni bdiet ukoll b’mod parallel b’tindif ieħor fil-lokalitajiet l-oħra parteċipi f’dan il-proġett pilota.