Bdiet titbattal il-ħażna tal-fjuwil mill-impjant tal-fjuwil 31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa qabel dan jingħalaq għalkollox.
Din kienet wegħda elettorali ta’ Gvern Laburista, li l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli kienet fissret dan l-iżvilupp bħala wieħed ta’ nifs ġdid għar-residenti ta’ Birżebbuġa.
ONE News żar dan l-impjant minn fejn għall-aħħar ftit ġimgħat l-Enemed ser tkun qed tissuplixxi l-fjuwil lill-istazzjonijiet tal-fjuwil f’pajjiżna.
Hemmhekk tkellimna mal-Kap tal-Operat tal-Enemed, Philip Borg, li spjega kif wara li saru t-testijiet neċessarji fuq l-impjant il-ġdid ta’ Ħas-Saptan issa m’għadx hemm il-bżonn li l-impjant 31 ta’ Marzu jinżamm mimli bil-fjuwil.
Huwa qalilna, “Issa li għadda dan iż-żmien, bqajna sa nhar il-Ġimgħa ħerġin mix-xogħol minn Ħas-Saptan issa ninsabu kunfidenti biżżejjed li nistgħu nafdawh lil dan l-impjant, in-nuqqasijiet li kellhom joħorġu ħarġu, ma ħarġux nuqqasijiet kbar u issa kunfidenti li aħna nistgħu hawnhekk jingħalaq, m’għandux għalfejn ikollna fuqiex naqgħu jekk ikollna problema.”
Huwa spjega kif ta’ kuljum joħorġu madwar 45 bowser mimli bil-fjuwil u għalhekk il-ħażna mistennija tieħu madwar ħames ġimgħat biex titbattal għalkollox.
Hawnhekk spjega l-aħħar passi li fadal isiru qabel dan l-impjant jingħalaq u jerġa’ jingħadda għalkollox f’idejn l-Enemalta: “Issa għandna madwar ħames ġimgħat sitt ħerġin bix-xogħol lejn il-petrol stations biex inneħħu l-istokk kollu, wara ngħaddu biex naħslu t-tankijiet u naħsluhom u l-pajpijiet nidrenjawhom ħalli jiġu gass free ħalli kif jagħmlu hekk inkunu nistgħu ngħatu ċ-ċavetta lura lil sid l-impjant li hija l-Enemalta.”