12:36: Il-Partit Laburista ħabbar li l-partitarji se jkunu qed jingħaqdu lkoll quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fit-3:00pm
12:30: Il-Prim Ministru Robert Abela jżur is-sala tal-għadd tal-voti u jagħti l-ewwel kummenti tiegħu lill-midja.
Fl-istess waqt li l-Prim Ministru niżel fis-sala tal-għadd tal-voti, il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jagħmel il-messaġġ tiegħu fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista.
12:19: Il-Kwota appromassativa bħalissa hi ta’ 38,500 u li nħadmet skont il-voti li ġew mitfugħa lbieraħ. Kif jitneħħew il-voti invalidi din tonqos u jkollna l-kwota uffiċjali.
Il-kwota tinħadem skont il voti validi mitfugħa.
12:17: S’issa ngħaddew 88 kaxxa minn 919-il kaxxa. Dan ifisser li s’issa ngħaddew ftit inqas minn 10% tal-kaxex.
12:11: Issa tibda t-taqtigħa bejn il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex jitħabbru dawk eletti.
12:08: F’kumment li tat mis-sala tal-għadd tal-voti, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, qalet kif il-poplu Malti u Għawdxi reġa’ għażel lill-Partit Laburista.
Hi rringrazzjat lil kulħadd kif ukoll lill-Prim Ministru u martu Dr Lydia Abela.
Appellat lill-partitarji Laburisti biex jiċċelebraw b’mod seren hekk kif il-ħidma tkompli.
12:05: Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, fl-ewwel kumment tiegħu ma’ ONE News mis-sala tal-għadd tal-voti qal kif filwaqt li din hi rebħa għall-Partit Laburista, dan ir-riżultat juri wkoll li dih x’tarbel.
Spjega li kif qal il-Prim Ministru Robert Abela, il-Partit Laburista jibqa’ kommess li jsib is-solluzzjonijiet u jkompli jaħdem favur dan il-poplu u favur il-pajjiż.
Tenna li dan ir-riżultat wera kif il-poplu Malti u Għawdxi bagħat messaġġ favur Gvern Laburista.
11:53: Il-Prim Ministru Robert Abela, iħabbar permezz ta’ telefonata max-xandir nazzjonali, li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Spjega kif il-poplu ħareġ jivvota u għamel l-għażla tiegħu. Dr Abela spjega kif din hi rebħa soda għall-Partit Laburista u li se jkompli jaħdem għall-aħjar tal-poplu Malti u Għawdxi.
11:44: Fil-ħin li ġej, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela mistenni jitkellem fuq ix-xandir nazzjonali.
09:47: Bħalissa qed jintwerew il-voti mill-kaxxi lill-aġenti tal-partiti.
Aktar qabel
Għall-ħabta tad-09:30 , fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar beda l-proċess tal-għadd tal-voti. Wara li matul il-lejl infetħu l-kaxxi u l-voti kollha tpoġġew f’pakketti, issa l-assistenti tal-għadd tal-voti bdew ipoġġi l-pakketti fl-iscanners biex ikun jista’ jibda l-għadd.
F’kollegament dirett li kellu fuq ONE TV, Michael Falzon, li huwa rappreżentant tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista spjega li l-ewwel indikazzjonijiet ta’ liem parit kiseb l-akbar ammont ta’ voti u d-distakk approsimattiv, huma mistennija għall-ħabta ta’ nofsinhar.
Il-proċess tal-għadd tal-voti mistenni jibqa’ għaddej matul il-ġurnata kollha sabiex aktar tard matul il-ġurnata jkunu magħrufa dawk il-kandidati eletti għall-Parlament Ewropew.