F’nofsinhar għalaq iż-żmien għall-applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew.
Dan il-proċess issa ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat iqanqal kontroversja kbira mhux biss fi Brussell iżda wkoll fil-midja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea wara l-manuvri biex din l-aktar pożizzjoni amministrattiva ta’ saħħa fil-Parlament tingħata liċ-Chief of Staff tal-President tal-Parlament, Roberta Metsola.
Iċ-Chief of Staff ta’ Metsola huwa t-Taljan Alessandro Chiocchetti, li qed jiġi akkużat li m’għandux il-kwalifiki meħtieġa għall-kariga. Intqal ukoll li r-rekwiżiti biex wieħed jimla din il-kariga tbaxxew apposta filwaqt li ngħata promozzjoni għal grad ogħla milli kellu sabiex ikun jista’ jinħatar hu.
Biex ikun possibbli li jieħu l-kariga Chiocchetti, sar ftehim wara bibien magħluqa bejn il-Partit Popolari Ewropew, li għalih jappartjenu Metsola u l-Partit Nazzjonalista, u gruppi politiċi oħrajn fil-Parlament Ewropew. B’dan il-qbil, dawn il-gruppi politiċi jiġu aġevolati bil-ħolqien ta’ direttorat ġenerali ġdid li l-karigi għoljin tiegħu jimtlew minn nies tagħhom, b’pagi għoljin.
Dan il-ftehim minn wara l-kwimti nissel għadab kbir fi Brussell, mhux biss fil-midja imma wkoll fost l-istaff tal-Parlament u l-unjins li jirrappreżentawhom, u diversi membri parlamnentari ewlenin tal-Parlament. Id-Direttur Ewropew tat-Transparency International, moviment globali kontra l-korruzzjoni, saħansitra akkuża lil Metsola b’“korruzzjoni istituzzjonali” li qed timmina l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew.
Il-ġurnal influwenti ‘Politico’ rrapporta li, fi sforz biex l-affarijiet jidru li qed isiru kif suppost u li l-post ma kienx maħsub minn qabel għaċ-Chief of Staff ta’ Metsola, saret pressjoni fuq il-gruppi politiċi biex iressqu aktar minn applikant wieħed. B’hekk, ikun hemm sembjanza ta’ għażla u professjonaliżmu fid-deċiżjoni ta’ min se jmexxi l-istituzzjoni li, fi kliem il-‘Politico’, hija s-sede tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, jirrapporta l-ġurnal, sal-bieraħ filgħaxija kienu applikaw iżjed minn persuna waħda. Intqal li kelliem għal Roberta Metsola ma xtaqx jikkummenta dwar in-numru jew l-ismijet tal-applikanti.
Il-kelliem ta’ Metsola qal li issa jibda l-proċess tal-għażla, li jintemm meta l-applikanti jersqu biex jippreżentaw irwieħhom quddiem il-Bureau tal-Parlament wara l-btajjel tas-sajf.
Il-‘Politico’ jgħaddi botta li, ġaladarba diġà kien hemm ftehim minn qabel dwar min se jintgħażel, il-membriital-Bureau mhux se jkollohom jitilfu ħafna żmien mill-btajjel tafħhom biex jaqraw l-applikazzjonijiet u s-CVs tal-applikanti.