Għal darb’ oħra l-kultura Maltija tieħu spunt qawwi ’l quddiem hekk kif illejla uffiċjalment tinfetah is-sitt edizzjoni tal-Malta International Music Festival.
Avveniment mużikali li ser ikun qed jara l-bidu tiegħu llejla ġewwa Robert Sammut Hall fil-Furjana sabiex jimmarka l-ftugħ mill-akbar avvenimenti mużikali klassiċi fil-kalendarju Malti.
Festival mużikali li bejn il-ħmistax ta’ April u l-ewwel ta’ Mejju ser ikun mimli programmi u kunċerti mużikali għall-pubbliku. Minbarra f’hekk Malta ser tkun qed tilqa’ wkoll l-aqwa sebgħin pjanisit minn totall ta’ seba mija tmienja u għoxrin pjanist oħra li ħadu sehem f’kompettizjonijiet oħra madwar id-dinja. Dawn ser ikunu qed jiġu Malta għall-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni bl-isem “The Malta International Piano Competition 2018.” Din ser tkun qed issir bejn is-sittax u disgħa għoxrin ta’ April.
Intant, il-programm tal-illejla ser ikun qed jilqa’ grupp mill-iktar rinomat bl-isem ta’ ‘The Cosmopolitan Trio.” Grupp ta’ tliet mużicisti ffurmat minn Marielena Fernandez fuq il-pjanu, Elisabeth Kropfitsch fuq il-vjolin u Meehae Ryo fuq il-kontrabaxx.
Il-mużika li ser tindaqq illejla ser tkun ukoll qed tinkludi : ir-“Romanza” mill-mibki Joseph Vella. Kompożitur Malti meqjus bħala wieħed mill-aqwa fil-gżira.