It-Tnejn beda l-logħob mill-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Malta. Fl-ewwel ġurnata ta’ dan il-Kampjonat, l-ewwel kompetizzjoni kienet dik taħt is-16-il sena.
L-iżgħar players Maltin bdew ukoll din l-avventura tagħhom waqt dan il-kampjonat internazzjonali fejn għalkemm ma kienux fost dawk li għaddew mir-rounds tal-gruppi għal fażi tan-Knock Out wieħed għandu jkun xorta posittiv dwar il-prestazzjoni tagħhom peress li oġġettiv ewlieni kien dak li dawn it-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw iċ-ċans ta’ esperjenza ġdida f’kompetizzjoni internazzjonali ta’ skala maġġuri.
Fil-fatt minn lista ta’ 60 player li ħadu sehem f’din il-kateġorija, tard it-Tnejn filgħaxija, l-logħob għalaq bil-logħbiet tal-aħħar sittax biex illum isiru l-kwart finali u s-semi finali filwaqt li l-ewwel finali ta’ din l-edizzjoni ta’ dawn il-kampjonati tkun din ta’ Taht is-16-sena li tintlagħab nhar l-Erbgħa fis-6 p.m.
L-aħħar tmienja li kwalifikaw għall-kwarti finali huma Bulcsú Révész (Ungerija), Andrejs Pripjoks (Latvja), Jack Borwick (Skozja), Ayaan Iqbal (Skozja), Maksim Kostov (Bulġarija), Artem Surzhykov (Ukranja), O`Shay Scott (Ingilterra) u Matvei Lagodzinschii (Ukranja). Iż-żewġ Skoċċiżi għada fil-kwarti finali jilgħabu kontra xulxin.
Fil-logħob tal-lum jkollna l-ewwel logħob tal-gruppi ta’ Taht it-18-sena fejn fil-kontingent Malti ma Jamie Buhagiar, Adam Pace u Xavier Rizzo li diġa kienu fl-azzjoni llum, jingħaqad ukoll Luke Pace.
Il-logħob tal-gruppi f’din il-kategorija huwa maqsum fuq jumejn u b’kollox ser jieħdu sehem 79 player fosthom ir-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni ta’ Taħt is-16-sena Artemijs Žižins tal-Latvja, kampjonati li kienu saru f’Shëngjin l-Abanija