Il-Ħadd waranofsinhar fetaħ l-istaġun tat-tiġrijiet fil-korsa tal-Marsa bi programm ta’ 8 tiġrijiet kollha tat-trott fuq distanza ta’ 2140m. F’nofs il-programm saru l-preżentazzjonijiet ta’ dawk li rebħu l-unuri fl-istaġun 2018. L-aqwa ġerrej tal-Malta Racing Club għat-tieni sena konsekuttiva kien Rodney Gatt li rnexxielu wkoll jikser kompletament ir-rekord għan-numru ta’ rebħ fi staġun wieħed b’total ta’ 103 rebħiet.
L-unur ta’ l-aqwa ġerrej żagħżugħ għall-ewwel darba ntrebaħ minn Dylan Baldacchino li rnexxielu jirbaħ 5 tiġrijiet. Dylan Baldacchino ser ikun ukoll qed jirrapreżenta lil pajjiżna fil-Korsa ta’ Vincennes Franza nhar is-Sibt li ġej fit-tazza ta’ l-amateurs. L-aqwa żiemel tas-sena 2018 kien il-Franċiż Cesar du Bouillon li rnexxielu jirbaħ 12 mis-17 il-tiġrija li ġera fihom fosthom il-finali tal-Prix de Caen tas-Sajf għall-Klassi Copper, il-finali tal-Kampjonat tas-Sajf MRTL għall-Klassi Bronze u il-finali tax-xitwa Prix de Cagnes-sur-Mer għall-Klassi Bronze.
Intant kien ic-Champion attwali Rodney Gatt li bid-debuttant Up and Go irnexxielu joħroġ rebbieħ fit-tiġrija tal-Klassi Premier fl-aħjar ħin tal-ġurnata. Clifton Farruġia rebaħ l-ewwel tiġrija tiegħu biż-żiemel Sephiro Flam fi Klassi Gold bit-tiġrija l-oħra f’din il-klassi tmur għand iż-żiemel Blue Winner misjuq minn Noel Baldacchino.
Iż-żewġ tiġrijiet tal-Klassi Silver raw rebħa għad-debuttant Laddy Laday misjuq minn Mario Farrugia u Midnight Passion misjuq minn Eric Bezzina. Għall-klassi Bronze kellna tliet tiġrijiet li taw rebħiet lil Diabolo Drive misjuq minn Redent Magro, Valentino de Monti misjuq minn Nathaniel Barbara u Trazom misjuq minn Wayne Cutajar.
Il-programm tat-tiġrijiet li jmiss issa huwa nhar il-Ħadd bl-ewwel tiġrija tibda fis-1:30 pm