Il-ħmistax ta’ Awwissu ma jfissirx biss iċ-ċelebrazzjoni ta’ Santa Marija, iżda wkoll il-ftuħ tal-istaġun għall-ħuta tant imfittxija mill-Maltin u saħansitra turisti li jżuru regolarment dawn il-gżejjer – il-Lampuka.
Is-sajjieda, li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum mis-sajd, f’dan iż-żmien ibakkru mal-lejl ’il barra mix-xtut tal-gżejjer Maltin biex jagħmlu s-sajda tagħhom.
Dan bit-tama li jidħlu lura l-art mgħobbijin bil-ħut biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u fl-istess waqt jissodisfaw lill-konsumaturi li jkunu mxennqin għal togħma tajba partikolari ta’ din il-ħuta bnina.
Il-Lampuki li jkunu għadhom kemm inqabdu jittieħdu li fi ftit ħin fil-Pixkerija biex ikunu aċċessibbli friski għall-konsumatur.
Christopher Borg Cardona, li fi kliemu hu sajjied minn ġuf ommu, qal li l-istaġun jidher li beda fuq sieq tajba ħafna din is-sena.
“L-ewwel ġurnata tiegħu, mid-dehra kienet tajba ħafna għax hemm kwantità kbira ta’ Lampuki u naħseb li din is-sena se tkun tajba. Konna ilna nistennewha biex jidħol l-istaġun u tibda tinqabad din il-ħuta tradizzjonali Maltija, li n-nisa tad-dar kollha jixtruha. Tidher li se tkun sena tajba.”
Fil-Pixkerija, imbagħad, il-ħut jgħaddi mingħand is-sajjied għal għand il-Pitkala, biex dan ibiegħ ix-xogħol, permezz ta’ irkant, lill-bejjiegħa tat-triq jew sidien tal-ħwienet tal-ħut.
Fost dawn nsibu lil Lily Damato, li tkun qed trejjaq f’diversi nħawi f’pajjiżna tbiegħ ħut frisk li tkun xtrat kmieni filgħodu.
“Il-Lampuki jittiekel minn kulħadd u kulħadd ikun ħerqan għaliha, għax tkun għadha se tibda, ikun ilhom jistennewha u hi meqjusa bħala ħuta tal-familja, għax titma’ familja biha”.
Borg Cardona appella wkoll biex il-Maltin u l-Għawdxin jagħżlu dak il-prodott li hu Malti, inkluż il-ħut, għax minbarra li hu bnin, hu wkoll frisk.
“Il-ħut Malti hu aktar sustanzjuż u frisk, u mhux se ssib bħalu. Bħalissa hawn il-Lampuki, hemm ħut ieħor bħas-Sawrell, u diversi tipi oħrajn li huma kollha prodotti friski lokali li żgur li l-ebda ħuta ta’ barra ma tista’ tikkompeti magħhom. Jien ngħid li l-aqwa sostenn li jista’ jkollok hu l-ħut Malti.”
Sakemm għamilna fil-Pixkerija fis-siegħat bikrin tal-Erbgħa, stajna nosservaw kif is-sajjieda u l-pitkala jaraw li l-biegħa tagħhom tinxtara sa qabel is-sebħ … kif fil-fatt seħħ.
Is-sena l-oħra, il-Pixkerija rreġistrat bejgħ totali ta’ 731 tunnellata ta’ ħut, li jfisser qabża ta’ 71 fil-mija fuq is-sena preċedenti. Fl-istess perjodu, il-kontribut ekonomiku ta’ dan il-bejgħ laħaq ċifra ta’ €3.3 miljun matul l-2022, żieda ta’ 25 fil-mija fuq l-2021.