Intlaħaq ftehim fuq is-sit tal-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex wara snin diskussjoni.
Dan ħabbritu l-Fondazzjoni għall-iskejjel t’għada.
L-iskola l-ġdida ser tkun fil-kampus edukattiv li diġa` jeżisti f’din il-lokalità.
Fil-binja tal-iskola l-ġdida se jkun hemm ukoll kindergarten, ċentru għall-ħarsien tat-tfal u bosta faċilitajiet sportivi.
Dan il-proġett se jkun jinvolvi wkoll it-tisbiħ estensiv tal-iskola medja li diġa` hemm fil-viċin. Dan kollu se jsir b’investiment ta’ madwar €10 miljuni.
Fl-aħħar jiem beda l-iskavar tal-art. Ix-xogħol qiegħed isir taħt is-sorveljanza tal-arkeoloġisti minħabba xi fdalijiet arkeoloġiċi li kienu nstabu fl-istess sit.
Għal din ir-raġuni, ċertu ammont ta’ skavar qed isir bl-idejn b’rispett sħiħ lejn il-wirt storiku ta’ pajjiżna.