Ingħata bidu għall-ġuri fil-konfront ta’ żagħżugħ ta’ 22 sena minn Bormla, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, b’rabta ma’ strupru, fost akkużi oħra.
L-allegat każ seħħ fl-2019 f’residenza f’Wied il-Għajn, fejn l-imputat kien jgħix mat-tfajla tiegħu, oħtha, u ommha.
Huwa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, intqal kif l-imputat kien jagħmel leħen qisu ta’ xitan.
Waqt l-interrogazzjoni, huwa semma li fl-istess residenza kien jinstema’ leħen oħxon ta’ xitan, li kien jordnalu biex isiru l-umiljazzjonijiet sesswali.
L-imputat allegatment kien jordna lill-eks tfajla tiegħu, lil oħtha u lil ommha, biex jagħmlu affarijiet kontra r-rieda tagħhom, isawwathom, jaħqarhom, u jumiljahom.
L-allegat avittma qalet li l-imputat kien ġiegħelha tirrekordja lil ommha u lil missierha jagħmlu s-sess “b’ordni tax-xitan.”
L-omm kienet iddaħħlet għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli wara li belgħet ammont sostanzjali ta’ pilloli, fid-dawl ta’ dak li kien qed jiġri d-dar.
Oħt l-għarusa tal-imputat xehdet kif ommha “kienet mimlija daqqiet” tant li “l-kulur ta’ ġisimha ġie vjola”.
Fuq il-pedana tax-xhieda hija qalet li tiftakar l-akkużat jhedded li se jaqtgħalha saqajha u li se jifqa’ għajnejn oħtha, filwaqt li kien iġiegħlhom iwaddbu l-affarijiet lil ommhom.
Hija xehdet ukoll kif, meta kienet żgħira, ommha kienet tuża l-ouija board filwaqt li kellha kollezzjoni ta’ pupi li kellhom l-ispirti.
Hija żiedet tgħid li ommha kienet tmur għand is-saħħar u li għamlet magħmul fuq xi nies.
Il-Pulizija ġiet infurmata b’dawn l-allegati reati minn żewġ social workers.