Beda l-ġuri fil-każ ta’ pensjonant ta’ ħamsa u sittin sena li qed jiġiakkużat li abbuża sesswalment minn tifla ta’ tnax-il sena ġo garaxx fiż-Żejtun, sakemm il-ġenituri tagħha kienu qed jistennew l-ikel jasal fid-dar tiegħu.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li s-smigħ isir wara bibien magħluqa, wara li laqgħet talba biex isem l-akkużat ma jiġix ippubblikat.
Ir-raġel qed jiġi akkużat li ħa sehem f’attivitajiet sesswali kontra l-liġi mal-minuri, u li bagħbas lit-tifla, li kellha biss tnax-il sena meta seħħ il-każ.
L-abbuż allegatament seħħ fil-garaxx tar-raġel fiż-Żejtun fid-disgħa u għoxrin ta’ Mejju ta’ sentejn ilu.
Ftit wara, it-tifla afdat fil-learning support educator tagħha fl-iskola, li rreferiet il-każ għand is-servizzi ta’ sapport tat-tfal tal-istat.
Minnufih iddaħħlu l-Pulizija u nħarġu akkużi kriminali fil-konfront tal-anzjan; liema akkużi qiegħed jiċħad.
Il-Qorti semgħet kif il-ġenituri tat-tifla kienu ħbieb mar-raġel u fil-ġurnata msemmija, il-familja kienet għand l-akkużat u ordnaw l-ikel. It-tifla marret mar-raġel biex tiġbor l-ikel.
Minflok, allegatament ħadha fil-garaxx tiegħu fiż-Żejtun. Il-Prosekuzzjoni temmen li hemmhekk seħħew l-attivitajiet sesswali mal-minuri.
Ir-raġel kien għamel żmien taħt arrest preventiv, wara li t-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet ġiet miċħuda mill-Maġistrat li kien qed jippresedi l-każ, li sema’ kif is-sieħba tal-anzjan ippruvat tagħmel kuntatt mal-familja tat-tifla ftit wara li l-Pulizija ġew notifikati bil-każ.
Id-difiża qed titmexxa mill-Avukati Ishmael Psaila u Arthur Azzopardi.