Quddiem l-Imħallef Edwina Grima beda l-ġuri ta’ tliet persuni b’rabta ma’ traffikar ta’ droga ecstacy, li seħħ sittax-il sena ilu. Rio Micallef ta’ 41 sena mill-Marsa, David Tabone ta’ 40 sena min-Naxxar u Darren James Vella ta’ 34 sena minn Birkirkara qed jiġu akkużati b’ħames kapi ta’ akkużi.
Madankollu, il-ġuri spiċċa xolt wara li ġurat, li kien fil-lista ta’ riserva, ma ħariġx mill-awla meta bdew isiru tibdiliet fl-att tal-akkużi. Fil-Qorti, il-ġurat stqarr li hu ma kienx konxju ta’ dak li ntqal fl-awla, għax kien medhi jilgħab logħba fuq il-mowbajl, bid-difiża titlob għax-xoljiment tal-ġuri.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha u ssospendiet il-proċeduri, l-Imħallef Edwina Grima ordnat li l-ġuri jiġi xolt. Dan waqt li qalet li m’għandhiex serħan tal-moħħ li l-ġurat ma tkellimx mal-ġurati l-oħrajn.
Rio Micallef qed jiġi akkużat ukoll li kellu, fil-pussess tiegħu, aktar minn elf u disa’ mitt pillola MDMA, li fis-suq miftuħ kienu jġibu l-prezz ta’ €18,624, waqt li David Tabone allegatament kellu fil-pussess tiegħu kwantità oħra ta’ pilloli MDMA u kokaina.
Il-każ seħħ f’nofs Settembru tal-2008 fejn allegatament l-irġiel qablu li l-konsenja tad-droga MDMA kellha ssir minn Micallef lil Tabone f’garaxx li kien juża Darren James Vella f’Birkirkara.
Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Drogi, li kienu qed isegwu l-passi tat-tliet akkużati, rawhom jiltaqgħu b’żewġ vetturi quddiem ħanut f’Birkirkara, fejn minn hemm irħewlha lejn Triq il-Knisja l-Qadima fejn kien jinsab il-garaxx. Kien hawn li Micallef intebaħ li kien hemm il-Pulizija u ħarab jiġri, iżda ġie arrestat ftit wara, waqt li uffiċjali oħrajn arrestaw lil Tabone u Vella.
Il-Pulizija kienet sabet fil-pussess ta’ Tabone baskett iswed bi ftit inqas minn għaxart elef ewro fi flus kontanti u miżien elettroniku, li skont l-esperti tal-Qorti kellu traċċi tad-droga ecstasy u kokaina. Kien ġie elevat ukoll basket tal-plastik żgħir abjad minn taħt vann ħdejn il-garaxx b’żewġ boroż tal-plastik bil-kwantità kbira ta’ pilloli bojod, li rriżultaw bħala MDMA.