L-Erbgħa filgħodu beda jinstema’ l-ġuri fil-konfront ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala l-Vojt. Huwa qed jiġi akkużat bl-omiċidju ta’ Roderick Grech li f’Marzu tal-2017 kien instab ħdejn il-karozza tiegħu bi ġrieħi ta’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru. Dakinhar, il-vittma kien lissen il-kliem “Vojt”. Dakinhar fil-Qorti kien instema’ wkoll kif l-aħħar komunikazzjoni li kien għamel il-vittma kienet seħħet mal-akkużat.
Il-ġuri kien mistenni lbieraħ filgħodu madankollu 3 persuni li kienu maħtura bħala ġurati ġew eżentati u għalhekk il-proċess kompla llum fejn inħatru aktar ġurati u beda l-proċess tal-ġuri. Inqraw ukoll l-erba’ kapi ta’ akkużi miġjuba kontrih.
Dan il-ġuri se jkun qed jinstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
L-Imħallef indirizzat lill-ġurati u qaltilhom li wara li jisimgħu u jiżnu dak kollu li jkun intqal fil-Qorti, finalment jagħtu l-verdett tagħhom. L-Imħallef Scerri Herrera kompliet tgħid li kull membru tal-ġuri għandu jkun iffukat fuq dak li jkun qed jintqal, se jkollhom parti attiva waqt dan il-ġuri. Huma se jkunu qed jagħtu ġudizzju fuq l-erba’ akkużi fosthom il-qtil ta’ Roderick Grech miġjuba kontra Bartolo separatament.
L-Imħallef kompliet tispjega dwar tliet prinċipji li jridu jħaddnu waqt is-smigħ. L-ewwel prinċipju huwa li l-preżenzjoni tal-innoċenza, it-tieni fuq l-evidenza lil hinn u l-aħħar huwa l-preġudizzju. Wisset li għandhom iwarrbu dak kollu li jistgħu jisimgħu barra mill-awla, imma jagħtu l-ġudizzju tagħhom fuq dak li jisimgħu fl-awla.
L-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri li huma mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li qed imexxu l-Prosekuzzjoni. Dr Valletta qal li 3 kapi hemm u mhux 4 kif semmiet il-Qorti dalgħodu.
Il-Kapi tal-akkużi huma: l-omiċidju volontarju, l-użi ta’ arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju u li l-akkużat kiser il-bon ordni pubblika.