Is-Serb ma kienx qed jiġi mhedded, anzi Chetcuti kien fil-kumpanija ta’ ħuh u l-ħbieb tiegħu ipejjep sigarett. Il-mewt tiegħu seħħet minħabba d-daqqiet u l-ġrieħi li sofra bid-daqqiet ta’ sikkina. L-akkużat irid issa jieħu r-responsabbilità tal-azzjonijiet tiegħu.
Dan kollu qalu l-Avukat tal-Prosekuzzjoni, Kevin Valletta, meta kien qed ifiehem lill-ġurati, fl-ewwel ġurnata tal-ġuri tas-Serb Bojan Cmelik li qed jiġi mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti li inqatel b’daqqa ta’ sikkina lura fis-sitta ta’ Lulju tal-elfejn u tmintax, fl-istabbiliment tiegħu ġewwa Triq Santa Rita, Paceville.
Huwa kien ittieħed l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika u ġie operat minnufih, wara li tilef ħafna demm.
Is-Serb, li kien eks impjegat f’wieħed mill-istabbilimenti ta’ Chetcuti, kien ġie arrestat f’Tas-Sliema wara li ġrew warajh il-pulizija.
L-Avukat Kevin Vella spjega li ma hemmx dubju li kien Cmelik li wettaq dan id-delitt u li għandu jinstab ħati.
Fis-seduta tat-Tlieta xehed ukoll l-eks Spettur Nikolai Sant, li mexxa l-investigazzjonijiet f’dan il-qtil, li spjega li minn filmati elevati mill-ħwienet u postijiet fil-viċinanzi juru lil Chetcuti bilqiegħda fejn stabbiliment ma’ persuni oħra u f’waqt minnhom mar persuna biex jgħannqu u tah żewġ daqqiet ta’ sikkina. Wara, l-istess persuna telaq jiġri, b’xi persuni jiġru warajh, iżda dawn ma rnexxielhomx jaqbduh.