F’awla 22, illum beda l-ġuri fil-konfront tal-Libjan Habesh Ismael u tat-Tuneżin Mahouachi Faical. L-irġiel ta’ 52 u sena u 55 sena rispettivament jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Sion Grech lura f’April tal-2005.
Sion Grech ta’ 20 sena, mis-Siġġiewi, instabet mejta nhar it-13 t’April, 2005, b’daqqiet ta’ sikkina f’għalqa fejn is-Salib tal-Marsa. Il-katavru tagħha kien instab qalb il-ħaxix u fi stat ta’ dekompożizzjoni. Minħabba li nqatlet snin qabel l-Att tal-2015 dwar l-Identità tal-Ġeneru, Sion hija mniżżla f’dokumenti legali bħala raġel jismu Simon. Skont rapporti preċedenti tal-Qorti, kienet magħrufa wkoll bħala Simone.
Wara li ntgħażlu 9 ġurati (kif ukoll tliet persuni oħra bħala riserva) u ngħataw il-ġurament tal-ħatra quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, li qed jisma’ dan il-ġuri, il-Prosekuzzjoni sostniet li l-parte civile f’dan il-każ talbet biex il-ġuri jinstema’ bil-magħluq. Madankollu d-Difiża rribattiet li l-Kumpilazzjoni kienet pubblika u b’hemm l-Imħallef Bugeja sostna li ma hemmx bażi legali biex din it-talba tintlaqa’.
Kien hawn li bdew jinqraw id-dettalji tal-każ fejn fost oħrajn instema’ kif Habesh Ismael kellu relazzjoni omosesswali ma’ Sion Grech minkejja li kien miżżewweġ. Grech li kienet taħt il-vizzju tad-droga kienet qed issostni dan il-vizzju billi tiprostittwixxi ruħha.
Instema wkoll kif fil-5 ta’ April għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħaxija waqt li l-vittma kienet qed titlajja għal skopijiet ta’ prostituzzjoni fil-Marsa, allegatament waqfet vettura tal-għamla Ford Escort u li fiha kien hemm Ismael u Faical. Kien hemm li allegatament Ismael niżel mill-karozza u beda jgħajjat mal-vittma.
Huwa allegatament ta xebgħa lil Grech b’Faical ftit wara joħroġ mill-vettura wkoll. Ftit wara intqal kif Ismael ħareġ sikkina li biha ta 17-il daqqa li wasslu għal mewt ta’ Grech.
Intant ftit wara l-Imħallef Aaron Bugeja indirizza lill-ġurati u kif fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jagħmlu ta’ imħallfin. Filwaqt li spjega l-akkużi fil-konfront taż-żewġ akkużati, l-Imħallef Bugeja sostna wkoll li l-ġurati għandhom iżommu biss mal-evidenza ppreżentata lilhom waqt il-ġuri.
Iż-żewġ akkużati jinsabu mixlijin li qatlu lil Grech u li kellhom fil-pussess tagħhom sikkina mingħajr permess. Habesh waħdu jinsab mixli wkoll li kellu Ford Escort misruqa. L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Għal Habesh Ismael qed jidhru l-avukati Edward Gatt u Ismael Psaila. Għal Mahouachi Faical qed jidher l-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace. L-avukat Anthony Vella u l-avukata Abigail Caruana Vella qed jirrapreżentaw lill-Avukati Ġenerali.
Il-każ se jkompli jinstema’ għada.