Għal sena oħra ser ikun qed jirritorna l-festival Żigużajg.
Għaxart ijiem ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi mmirati b’mod speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Id-Direttur ta’ Żigużajg Marta Vella spjegat kif tul il-festival li għandu għaddej sat-28 ta’ Novembru li ġej ser isiru attivitajiet kemm online iżda wkoll live.
Hija spjegat kif hemm ħames spettakli li ser isiru b’mod dirett, filwaqt li qed issir ukoll esebizzjoni fi Spazju Kreattiv: “Hemm xi ħaġa għal kulħadd. Hemm ukoll rakkomandazzjoni għall-etajiet, jiġifieri fuq il-website tagħna Żigużajg.org ssib informazzjoni fuq kull produzzjoni u hekk trid tara inti u l-familja tiegħek il-gosti tagħkom u hopefully ħa nolqtu l-gost ta’ kulħadd.”
Dan il-festival qed isir taħt il-patroċinju ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
F’konferenza li mmarkat il-ftuħ ta’ Żigużajg hija spjegat kif dan il-festival jorbot it-tfal u ż-żgħażagħ mal-arti u l-Kultura.
Dr Abela stqarret: “Nemmen illi Żigużajg huwa suċċess għaliex għandu żewġ aspetti partikolari, t-tfal u ż-żgħażagħ, l-Arti u l-Kultura. It-tfal li huma mimlijjin enerġija b’ideat u kreattività u l-arti u l-kultura illi tifforma l-identità ta’ pajjiżna u tgħinna nikkomunikaw bejnietna. Allura meta nżewġu dawn iż-żewġ aspetti flimkien, it-tfal u l-arti allura nkunu qiegħdin nikkrejaw spazju idoneju biex nuruxi tifsser kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai wkoll stqarr kif dawn ma kinux sentejn faċli minħabba l-pandemija iżda swew tajjeb sabiex is-settur artistiku u kulturali addatta biex ikompli jwassal it-talenti fi ħdanu anke b’modi differenti, fosthom permezz tat-teknoloġija.
Il-Ministru għall-Kultura, José Herrera laqa’ b’sodisfazzjon edizzjoni oħra ta’ dan il-festival hekk kif innota li issa sar jifforma parti mill-kalendarju lokali kulturali ta’ kull sena.