Qabad sew ir-ritrmu fuq il-bini ta’ skola primarja ġdida għas-subien u l-bniet f’Marsaskala.
L-iskola l-ġdida se tkun qed tilqa’ fiha madwar erba’ mija u ħamsin student u studenta biex tlaħħaq maż-żieda fir-residenti ta’ din il-lokalita’, bl-iskola primarja eżistenti se tibqa’ topera ladarba tiftaħ il-bibien l-iskola l-ġdida.
Il-proġett li hu mifrux fuq medda ta’ ftit anqas minn sitt elef metru kwadru jikkonsisti f’għadd ta’ blokki bi klassijiet għat-tagħlim, kindergarten u ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
Mhux biss, iżda l-iskola ser ikollha wkoll parkeġġ pubbliku għall-karozzi taħt l-art fuq medda ta’ ftit aktar minn elf u seba’ mitt metro.
L-iskola qed tinbena mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tinbena b’attenzjoni partikolari biex it-tagħlim fil-klassijiet ikun ta’ pjacir għall-istudenti.
Il-Perit Raphael Axiak li huwa responsabbli mill-bini ta’ din l-iskola, saħaq fuq l-importanza li tinbena skola komda u mgħammra b’kollox.
Barra minn hekk, qed ikunu diskussa metodi ġodda dwar kif issir konsultazzjoni mal-għalliema u l-amministratturi tal-iskejjel kif ukoll mal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ tfal bl-awtiżmu.
Dan sabiex jiġu esplorati wkoll mudelli ġodda dwar kif isir il-proċess marbut mal-bini tal-iskejjel u fuq kollox tara li l-iskejjel ikunu mgħammra bl-aktar faċilitajiet bażiċi u b’ambjent skolastiku attraenti u li tabilħaqq jiffaċilità t-tagħlim u l-pjaċir li jġib miegħu.
Pass ‘il quddiem li għalih esprimiet sodisfazzjon, Glorianne Borg Axisa mill-għaqda tal-ġenituri tal-iskejjel tal-istat, MAPPS.
Intant, il-proċess ta’ xogħol fuq numru ta’ skejjel primarji ġodda, diġà beda fosthom f’dik tal-Qawra filwaqt li qed ikunu ffinalizzati t-thejjijiet għall-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex.