Bdiet il-ħidma biex tinbena mill-ġdid il-karreġġjata direzzjoni Tramunta ta’ Triq il-Marfa, max-xatt tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa.
Xogħol li qed isir minn Infrastruttura Malta flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hekk kif il-ħidma f’dan il-proġett se jsir fi tliet fażijiet.
Dan fid-dawl li din it-triq, tal-karreġġjata b’żewġ korsiji u twila madwar kilometru u nofs, hi l-unika rotta għall-Armier u għall-vapur ta’ Għawdex u b’hekk irid jitħalla miftuħ l-aċċess b’arranġamenti temporanji.
Fost ix-xogħlijiet insibu t-tneħħija tal-wiċċ antik tal-karreġġjata fejn minn hemm imbagħad jibda t-tħaffir tat-trinek għal kważi ħames kilometri ta’ pajpijit b’wisgħa ta’ aktar minn nofs metru.
ONE News tkellem mal-Perit fuq dan il-proġett, Rebecca Grech, fejn spjegatilna aktar fid-dettall x’xogħlijiet qed isiru.
“Ix-xogħolijiet eventwalment mbad isiru l-bini mill-ġdid tal-pedamenti u jsir il-wiċċ mill-ġdid tal-bankini biex isir it-tul tal-karreġġjata tul ta’ kilometru u nofs bini mill-ġdid. Għalissa x-xogħol se jkunu qed isiru karreġġjata direzzjoni li tieħdok lejn in-north fejn eventwalment isiru xogħolijiet fuq il-karreġġjata direzzjoni nofsinhar u minn hemm isiru xogħlijiet oħra mal-prominad tal-Għadira.”
Dan l-investiment se jkun qed itejjeb il-kwalità u s-sigurtà tal-provvista tal-ilma tax-xorb f’pajjiżna hekk kif se jgħaqqad flimkien il-ġibjuni ta’ Ta’ Qali mal-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke u ċ-Ċirkewwa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi, spjega ma’ ONE News kif dan il-proġett jinkludi wkoll tisbiħ tal-prominad tal-Bajja tal-Għadira b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.
“Hija parti ma tistax tingħalaq minħabba li m’hemmx alternattiva oħra għalija. Għaldaqstant filwaqt li hija triq li matul ix-xhur tas-sajf anke għandek il-baħar, ridna nsibu l-perjodu ideali ta’ meta nkunu qed naħdmu. B’hekk b’kollaborazzjoni mal-korporazzjoni tal-ilma, aħna qed naħdmu ngħaqdu ż-żewġ proġetti flimkien. It-tisħiħ tat-triq fl-istess ħin it-tqegħid tas-servizzi tal-ilma u wkoll aktar tard se nkunu qed insebħu u ntejbu wkoll n-naħa l-oħra tat-triq ukoll. “
Dan il-proġett se jkun qed jara wkoll titjib fil-provvista tal-ilma fl-inħawi tal-Għadira kif ukoll tal-ilma riċiklat għat-tisqija tar-raba’ fl-inħawi. Dan se jkun qed jinkludi wkoll wkoll pajpijiet għall-fibre optic cables u kif ukoll il-kontroll ta’ boreholes fost oħrajn.