Bdiet l-ewwel fażi tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Buġibba flimkien ma’ terminal ġdid b’faċilitajiet aktar sikuri għall-passiġġieri.
Permezz ta’ dan il-proġett, dawk li jiffrekwentaw il-bajja u dawk li jagħmlu użu mill-opri tal-baħar f’din iż-żona se jkollhom serħan il-moħħ mill-qawwa tal-baħar. Barra minn hekk, is-servizz tat-trasport bil-baħar f’Malta se jkun qiegħed jiġi estiż mill-Belt Valletta, Tas-Sliema, u l-Kottonera lejn San Pawl il-Baħar.
Il-proġett, li mistenni jieħu 26 xahar biex jitlesta, jiswa madwar €13-il miljun u huwa ko-finanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF).
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv ta’ IM Ivan Falzon, għamlu żjara fuq il-post.
It-tul tal-breakwater se jkun aktar minn 180 metru, li huwa itwal minn dak eżistenti. Dan se jipprovdi ilqugħ aħjar mill-mewġ tal-baħar u jipproteġi d-dgħajjes tas-sajd u bastimenti żgħar oħra li jirmiġġaw f’din iż-żona u l-kumplament tal-bajja.
L-aġenzija Infrastructure Malta qed tintroduċi faċilitajiet aktar adattati għall-irmiġġ, kif ukoll għat-tlugħ u l-inżul tal-passiġġieri li jużaw servizz tat-trasport bil-baħar.
Il-bini mill-ġdid tal-breakwater jinkludi wkoll pjattaformi iktar sikuri għall-irmiġġ ta’ laneċ tal-passiġġieri li jagħmlu użu mill-istruttura eżistenti tul ix-xhur tas-sajf għal vjaġġi rikreattivi. Ix-xogħol bħalissa għaddej bit-tħammil tal-pedamenti eżistenti tal-breakwater u bdew jitpoġġew diversi blokok li se jiffurmaw l-istruttura prinċipali. Fl-istess ħin, bdiet titkisser il-parti ta’ ġewwa tal-breakwater l-antik filwaqt li qed isiru diversi tiswijiet estensivi taħt il-livell tal-ilma.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-Infrastructure Malta qed tintroduċi wkoll moll ieħor, ta’ 37 metru, fit-tramuntana tal-breakwater. Dan il-moll se jipprovdi kenn ikbar u rmiġġ aktar sigur f’diversi kundizzjonijiet tat-temp, filwaqt li se jkun qiegħed jinbena mill-ġdid ukoll, b’disinn aħjar, l-iskal ta’ ħdejn il-breakwater eżistenti.
Eventwalment, l-Ingrastructure Malta se tkun qed tibni terminal fejn wieħed ikun jista’ jistkenn u jaqta’ l-biljett biex jivvjaġġa bis-servizz tal-lanċa lejn Tas-Sliema, il-Belt Valletta, jew Bormla. It-terminal il-ġdid għall-irmiġġ tal-laneċ se jkun mgħammar b’rampi u b’faċilitajiet oħrajn biex dan il-mezz ta’ trasport alternattiv ikun aċċessibbli minn kulħadd. Se jiġu installati wkoll bicycle racks li jinċentivaw l-ivvjaġġar b’modi alternattivi ta’ trasport.
Il-bini mill-ġdid ta’ dan il-breakwater f’Buġibba huwa r-raba’ proġett marittimu ta’ dan it-tip li l-Infrastructure Malta qed tiżviluppa sabiex toffri faċilitajiet alternattivi u iktar siguri għall-passiġġieri li jużaw dan is-servizz.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll membri mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.