Infrastructure Malta bdiet tibni mill-ġdid Triq il-Marfa, li tgħaqqad il-Mellieħa mal-Bajja tal-Għadira.
Din it-triq ta’ 1.4 kilometri b’ħafna dawrien hija waħda mill-ewwel 120 triq li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid f’diversi lokalitajiet, bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin li varat din is-sena biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq tal-pajjiż. Ix-xogħlijiet fi Triq il-Marfa bdew din il-ġimgħa malli l-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta lestew uħud mill-31 triq li bdew jaħdmu fihom fl-aħħar ta’ Jannar. Minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ April, il-parti ta’ fuq tat-triq se tingħalaq biex jinbdew diversi xogħlijiet oħrajn.
Ix-xogħlijiet fi Triq il-Marfa se jestendu minn ħdejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u jserrpu l-isfel sar-roundabout li hemm fil-bidu tal-Bajja tal-Għadira. Ix-xogħol beda bil-bini ta’ aktar minn 400 metru f’bankini ġodda tul parti mit-triq. Fejn huwa teknikament possibbli, il-bankini eżistenti qegħdin jitwessgħu biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Fit-tarf tat-triq in-naħa tar-raħal, Infrastructure Malta se tibni sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita biex ittaffi l-problemi tal-għargħar f’diversi toroq fil-lokalità, fosthom Triq San Pubbliju u Triq Ġorġ Borg Olivier. Fl-istess ħin, se tinqala’ l-ewwel parti ta’ Triq il-Marfa, minn Triq l-Erwieħ (ħdejn is-Santwarju) sa Triq l-Għajn tal-Mellieħa (nofs triq int u nieżel lejn l-Għadira), biex jinbnew pedamenti aktar sodi u wara jsirilha wiċċ ġdid bl-asfalt.
Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ diversi servizzi taħt l-art, fosthom trinek għall-cables tat-telekomunikazzjoni biex jiġi msaħħaħ is-servizz tal-Internet għar-residenti li jgħixu fl-inħawi.
Il-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Marfa minn Triq l-Erwieħ sa Triq l-Għajn tal-Mellieħa se tkun magħluqa fiż-żewġ direzzjonijiet minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ April ‘il quddiem, biex tkun tista’ tinqala’ u titranġa. Se jibqa’ jkun hemm aċċess għad-djar, ħwienet, ristoranti u bini ieħor li hemm fin-niżla għall-Għadira permezz ta’ rotta alternattiva mill-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger).
Meta l-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Marfa tkun lesta, din terġa’ tinfetaħ biex ix-xogħlijiet ikomplu fil-bqija tat-triq, lejn il-Bajja tal-Għadira.
Waqt l-għeluq ta’ parti minn Triq il-Marfa, it-trasport pubbliku mhux se jkun jista’ jgħaddi minn Triq il-Kbira, Triq Ġorġ Borg Olivier u Triq il-Marfa. Minflok, il-karozzi tal-linja fuq ir-rotot 41, 42, 49, 101, 221, 222, 250, XI u N11 se jgħaddu mill-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger) lejn il-Bajja tal-Għadira. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qed jorganizza servizz ta’ transport kontinwu bil-vannijiet għal dawk li normalment jirkbu l-karozza tal-linja min din it-triq, biex iwassluhom sal-waqfa temporanja li saret għat-trasport pubbliku quddiem l-iskola primarja, fi Triq Qasam Barrani. Dan is-servizz se jkun qed jopera l-ħin kollu, skont l-iskeda tar-rotot imsemmijin, sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.
Infrastructure Malta qed tikkollabora ma’ dawk kollha konċernati biex tiżgura li l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marfa jitlesta malajr kemm jista’ jkun, qabel is-sajf, u bl-inqas diffikultajiet possibbli għar-residenti, dawk li jivvjaġġaw fl-inħawi, u għan-negozji, fost oħrajn.
Għal aktar tagħrif u assistenza, wieħed jista’ jikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, fuq info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook – fb.me/infrastructuremalta.