B’investiment ta’ €1.3 miljun għaddej il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarrola fiż-Żurrieq mal-lokalità ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop.
Ix-xogħlijiet huma simili ħafna għal dawk li diġà saru fi Vjal ix-Xarrolla bit-triq se titwessa fuq medda ta’ art li kienet abbandunata għal numru ta’ snin.
L-Inġinier responsabbli mill-proġett Robert Schembri spjega li l-proġett ser ikun it-tkomplija ta’ Vjal ix-Xarrola li nbniet mill-ġdid is-sena l-oħra b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro.
Schembri qal li “Triq li ser tkun għar-residenti li hi ‘Service Road’, ser ikun hemm organizzar aħjar tal-parking f’din it-triq li ser tiġi separata mill-kumplament tal-karreġjati li minnha jgħaddu l-karozzi għal Ħal Safi. Ser ikun hemm ukoll karreġġjata għar-roti u l-bankina”
Il-lokalità taż-Żurrieq flimkien m’oħrajn fil-madwar huma magħrufa għas-sinifikat arkeoloġiku kbir li għandhom u għalhekk qed jittieħdu għadd ta’ miżuri biex jitħarsu kull xorta ta’ fdalijiet storiċi li jistgħu jinstabu taħt it-triq eżistenti.
Waqt żjara li għamilna fuq il-lant tax-xogħol ma sibnix il-gaffi u l-inġenji li ssoltu nara waqt bini ta’ toroq ġodda, iżda ħaddiema li kienu qed iħammlu biz-zpapen u jitfgħuha fil-karretti permezz tal-pali.
Hu qal “Allura s-Supretendenza tan-‘National Heritage’ timponi fuqna li l-iskjavi jsiru bl-idejn. Qed taraw ix-xogħol ma jistax issir b’makkinarju kbir, allura r-rata tkun iżjed bil-mod”
Fost oħrajn spjega li l-fdalijiet ta’ qabar puniku ġew inkorporati fid-disinn ġdid tat-triq, sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku.
Schembri qal “Iva hawnhekk nafu li hawn qabar eżistenti u kellna ninkorporawh fid-disinn tat-triq, u ġej f’pedestrian crossing inkorporat magħha biex ma niddisturbawx il-qabar”
Intant, Infrastructure Malta qed tibdel u ssaħħaħ ukoll is-sistemmi tad-distribuzzjoni li jgħaddu minn taħt it-triq.
B’kollox qed jitpoġġew aktar minn wieħed punt sitt kilometri ta’ pajpijiet u ‘cables’ għal servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni kif ukoll sistemi ta’ lqugħ u ġbir tal-ilma tax-xita.