Sa mill-ewwel jiem wara li reġa’ ngħata l-fiduċja tal-poplu f’Marzu li għadda, il-gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela beda jwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Minn mindu kiseb l-akbar mandat elettorali fl-istorja ta’ Malta, il-gvern Laburista kompla jwieżen lill-familji u n-negozji bi stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil u taċ-ċereali, fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent li ġabet magħha l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
Kif kien imwiegħed, fi żmien mitt jum, mill-Parlament għaddiet il-liġi tal-IVF sabiex aktar persuni jkunu jistgħu jħaddnu tarbija u jsiru ġenituri f’pajjiżna stess.
Apparti minn hekk, mill-Parlament għaddiet riżoluzzjoni li permezz tagħha art verġni fiż-Żonqor se tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-American University of Malta se tingħata lura lin-nies, waqt li Smart City se tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna. Dan filwaqt li fi Smart City se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS, filwaqt li fiż-Żonqor se jsir il-park nazzjonali tal-Imwadar.
Mill-bidu ta’ Awwissu, iddaħħlu fil-liġi Maltija drittijiet ġodda li jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin. Din il-liġi tinkorpora erba’ drittijiet: l-għaxart ijiem liv tal-paternità, il-liv ta’ erba’ xhur għall-ġenitur – li xahrejn minnhom ikunu mħallsa, ħamest ijiem liv tal-carers, u d-dritt tal-flessibilità fuq il-post tax-xogħol.
F’Diċembru, il-Gvern daħħal fis-seħħ il-mekkaniżmu addizzjonali tal-kumpens għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja, magħruf bħala l-COLA. Din il-miżura saret wara li, f’perjodu qasir, kien hemm qbil bejn is-sħab soċjali dwar dan il-mekkaniżmu addizzjonali, li se jkompli jwieżen lil dawk l-aktar vulnerabbli.
F’dan l-istess xahar, il-Gvern ħabbar li l-benefiċċju tal-in-work benefit se jkun qed jingħata b’mod awtomatiku, mingħajr ma wieħed għandu japplika. Permezz ta’ dan, aktar familji se jgawdu minn dan il-benefiċċju, b’investiment totali ta’ €17-il miljun.
Apparti minn hekk, mis-sena skolastika li bdiet f’Settembru li għadda, madwar elfejn tifel u tifla żvantaġġjati bdew jibbenefikaw minn għajnuna aktar wiesgħa provduta permezz tal-Iskema 9. Dawn l-istudenti jistgħu jgawdu minn uniformi b’xejn, stationery bla ħlas, fotokopji bla ħlas u attivitajiet extrakurrikulari bla ħlas, mingħajr ma jridu jagħżlu waħda u mhux l-oħra.
Il-Gvern beda jaħdem ukoll sabiex iwettaq wegħda ewlenija oħra: dik ta’ spazji pubbliċi ħodor viċin id-djar tan-nies, b’investiment ta’ €700 miljun għal perjodu ta’ seba’ snin. Għal dan il-għan, il-Gvern se jkun qed iwaqqaf l-aġenzija Project Green sabiex tieħu ħsieb dawn il-proġetti, li se jkomplu jtejbu l-kwalita tal-ħajja tal-familji Maltin.
Ftit tal-ġimgħat ilu, f’intervista fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jwettaq il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
SAVIOUR BALZAN: “Kieku kellek tgħid, ‘Jiena x’nixtieq inħalli bħala legacy ta’ Robert Abela?’ Apparti, ovvjament, is-suċċess tiegħek personali. Il-legacy x’tixtieq li tkun?
ROBERT ABELA: “Naħseb is-suċċess personali huwa sekondarju ferm. Li nixtieq inħalli huwa l-manifest ‘Malta Flimkien’, l-elf proposta tiegħu, li f’din il-leġiżlatura jkunu implimentati kollha.”