Minn tmiem il-ġimgħa familji ntitolati għall-In-Work Benefit bdew jirċievu għall-ewwel darba suppliment ta’ mitejn u ħamsin ewro.
Kif tħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mniedi f’Ġunju, l-introduzzjoni ta’ dan is-suppliment huwa parti mit-titjib li ddaħħal għat-tliet kategoriji ta’ ġenituri li jaħdmu u li jikkwalifikaw għall-In-Work Benefit.
Dawk il-familji li jsiru eliġibbli għal dan il-benefiċċju minn issa sal-aħħar tas-sena ser ikunu wkoll intitolati għall-pagament sħiħ tas-suppliment ta’ mitejn u ħamsin ewro.
Dawk il-ġenituri li kienu qegħdin jirċievu l-benefiċċju u tilfu l-impjieg waqt il-pandemija se jibqgħu jirċievu l-In Work Benefit sakemm ma jinbidlulhomx iċ-ċirkostanzi. F’każ li jsibu impjieg, ir-rata tiġi aġġustata skont id-dħul il-ġdid.
It-tibdil li sar fl-In Work Benefit jinkludi wkoll titjib fir-rati li jitħallsu l-familji benefiċjarji għal kull wild taħt it-23 sena u aktar familji se jikkwalifikaw.
Ir-rati mħallsa lill-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol ta’ bejn għaxart elef ewro u sitta u għoxrin elf ewro żdiedu bejn tlettin ewro u mitt ewro kull wild, bl-ogħla rata titla’ għal elf u erba mitt ewro għal kull wild eliġibbli.
F’każ ta’ familji b’ġenitur wieħed li jaħdem jew taħdem bi dħul ta’ bejn sitt elef u sitt mitt ewro u tmintax-il elf u mitejn ewro, iż-żieda hija ta’ €50 għal kull wild. L-ogħla rata issa tlaħħaq €1,400 ukoll għal kull wild.
F’każ li ġenitur wieħed biss jaħdem u dħul ivarja sa tnejn u għoxrin elf ewro, r-rati mħallsa żdiedu bi tmenin ewro għal kull wild, biex issa l-ogħla rata mħallsa hija ta’ sitt mija u tletin ewro għal kull wild.
Fil-każ tal-miżżewġin, koppji li jaħdmu t-tnejn, ir-rati tal-benefiċċju se jkunu ogħla minn ta’ dawk fejn xi ħadd mill-ġenituri ma jaħdimx. Dan sabiex it-tieni ġenitur ikollu l-inċentiv li jidħol fid-dinja tax-xogħol, anke part-time.
Ir-rati ġodda daħlu fis-seħħ b’effett mis-6 ta’ Ġunju u ser jitħallsu b’lura fil-pagament li jkun imiss f’Ottubru, liema pagament normalment ikun ikopri l-perjodu minn Lulju sa Settembru iżda din id-darba se jkun jinkludi wkoll l-arretrati dovuti għal Ġunju.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-gvern qed ikompli jippremja l-bżulija u jkompli jagħti spinta lill-familji bieżla.
Il-MInistru Falzon qal: “Rajna kif nolqtu aktar ….. xi ħaġa li turi ruh soċjali ta’ dan il-gvern.”