Fil-Qorti, beda jinstema’ l-libell li ressaq Neville Gafa’ kontra l-editur tal-Independent, David Lindsay.
Dan wara li l-eks uffiċjal fil-Ministeru tas-Saħħa argumenta li ġie malafamat fil-każ tal-għoti tal-viżas mediċi. Eventwalment dwar dan il-każ, il-pulizija investigat u nstab li ma kien hemm xejn ħażin iżda Gafa qal li ntefa’ dell ikrah fuqu meta ntqal li kien hemm Libjani li xaħħmuh biex jingħataw viżas mediċi.
Gafa saħaq li ħassu mweġġa’ meta qalu li qed idaħħal mal-mija u ħamsin elf ewro fil-ġimgħa meta filfatt l-uniku dħul li kellu kienet mill-paga li ħadem għaliha.
B’rabta ma’ dan il-każ, dak deskritt minn uħud il-whistleblower, Khaled Ben Nasan kien spjega li rċieva theddid fuq ħajtu iżda minn investigazzjoni tal-pulizija u wara li ġew elevati s-simcards, sar magħruf li Ben Nasan kien jibgħat lilu nnifsu dawn il-messaġġi ta’ theddid.