Iddrisu Faisal ta’ 34 sena mill-Ghana wieġeb mhux ħati hekk kif tressaq quddiem il-ġustizzja mixli bil-qtil doppju tal-Ħadd f’razzett fil-Marsa.
It-Tnejn filgħaxija l-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Abigail Critien. Propju l-jum ta’ qabel għall-ħabta tad-9:30am, il-Pulizija ġew infurmati li nqalgħet kommossjoni bejn numru ta’ persuni fir-razzett fil-Marsa.
Hawnhekk l-allegat aggressur allegatament uża mqass kbir li jintuża bħala għodda biex allegatament qatel lil Joe Bartolo ta’ 73 sena u s-sieħba tiegħu Carmen Abela ta’ 56 sena.
L-allegat qattiel ġie arrestat mumenti wara li seħħ id-delitt. Dan anke bl-għajnuna ta’ mara u raġel min-Niġerja li jgħixu wkoll fl-istess razzett.
Apparti l-akkużi b’rabta mal-qtil taż-żewġ persuni Maltin, l-imputat kien mixli wkoll li kkawża ġrieħi lil Queen Ogbommaya, Ifeanyi Ezeh u l-uffiċjal tal-Pulizija Ryan Farrugia, fost oħrajn u li rreżista l-arrest fost oħrajn.
Quddiem il-Qorti l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Cuschieri ppreżentat il-passaport validu tal-imputat mill-Ghana, passaport skadut ieħor tal-istess imputat flimkien ta’ dokumenti oħrajn fosthom Taljani.
Intalbet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-persuni involuti fosthom dawk involuti fl-arrest tal-imputat. It-talba ġiet milqugħa mill-Qorti.
Hekk kif l-imputat wieġeb mhux ħati, id-Difiża rriżervat li titratta sakemm jinstemgħu x-xhieda. L-imputat baqa’ jinżamm arrestat.
L-Avukat għad-Difiża kien Dr Joseph Brincat. Filwaqt li l-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienu Dr Kaylie Bonett u Dr Ramon Bonett Sladden.