Beda jinstema’ l-każ kontra l-aħwa Joseph u Analise Brignone, li qed jiġu akkużati bil-pussess u t-traffikar tad-droga kokaina u kannabis u b’ħasil ta’ flus fost akkużi oħra.
Xehed l-Ispettur Mark Anthony Mercieca li spjega kif il-pulizija kienet ilha ssegwi l-passi tal-akkużati fosthom ta’ Joseph, wara informazzjoni li kienet irċeviet fuq allegat traffikar ta’ droga.
Meta ġew arrestati l-Pulizija għamelt tfittxija fid-dar tagħhom u sabet armi tan-nar u flus kontanti. Instabet kwantità ta’ droga anki fuq il-mejda tal-kċina.
Mill-osservazzjoni tal-pulizija ħareġ li mir-residenza ta’ Joseph f’Bormla kienu jidħlu u joħorġu diversi persuni magħrufa li għandhom il-vizzju tad-droga.
L-Ispettur Mercieca qal li Joseph Brignone kien qiegħed juża diversi vetturi ta’ valur għoli ħafna, anki jekk ma kienx jaħdem.
Huwa ġie arrestat is-sibt ħamsa u għoxrin ta’ April.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu madwar elfejn u sitt mitt ewro fi flus kontanti, arma tan-nar semi-awtomatika u li kien fiha żewġ balal, u żewġ qratas suspettati droga ta’ lewn aħdar u abjad rispettivament.
L-Ispettur Mercieca kompla jgħid li fir-residenza ta’ oħtu Analise nstabu diversi sustanzi suspettati drogi, pistola, xfafar u affarijiet relatati ma’ droga.
Spjega li l-pulizija sabu ħd-droga mas-saqajn tas-sodda u li f’safe wara mera nstabu aktar minn ħdax-il elf ewro.
L-aħwa Brignone komplew jinżamm arrestati.
L-Avukati tagħhom Franco Debono u Marion Camilleri, rringrazzjaw lill-Qorti talli wriet sens kbir ta’ responsabbiltà u ġustizzja meta bdiet tisma x-xhieda f’dan il-każ, f’dan iż-żmien ta’ pandemija.