Illum beda jinstema’ l-ġuri ta’ plejer tal-futbol li qed jiġi akkużat li heżżeż tarbija ta’ 15-il xahar tant li kkawża ħsara permanenti fil-moħħ tal-istess tarbija.
Akande Rotimi Williams, ta’ 27 sena ta’ nazzjonalità Niġerjana residenti l-Mellieħa, qed ikun akkużat fuq tliet affarijiet separati; attentat ta’ omiċidju volontarju, li kkawża ġrieħi fuq persuna u li ttratta ħażin tarbija lura f’April tal-2013.
Il-ġuri sema’ kif t-tarbija ttieħdet l-isptar f’April tal-2013 wara li Williams allegatament sab lit-tarbija ma tiċċaqlaqx u ma tirrispondix fis-sodda tagħha. Williams dak iż-żmien kien f’relazzjoni mal-omm tat-tarbija.
It-tarbija kellha bżonn operazzjoni ta’ emerġenza f’rasha sabiex isalvawlha ħajjitha, fejn kawża t’hekk baqgħet b’diżabbiltà permanenti. Dan ifisser li t-tifel se jkollu jgħix il-kumplament ta’ ħajtu fi stat semi-veġetattiv.
L-awtoritajiet b’mod immedjat ħasbu li kien hemm aktar milli beda jingħad, dan għax tnax-il jum qabel it-tifel iddaħħal l-isptar wara li kien qed isofri minn diversi korrimenti li jikkorrispondu mas-sintomi ta’ “shaken baby syndrome.”
F’din l-okkażjoni, l-omm tat-tarbija afdat lit-tifel tagħha ma’ persuna li tieħu ħsieb lit-tfal, li allegatament heżżet lit-tifel meta kellha episodju epilettiku.
Il-prosekuturi jemmnu li minkejja t-twissijiet tat-tobba, Williams heżżeż lit-tifel b’saħħa ikbar ġimgħatejn wara.