Għalliema tas-Soċjoloġija ngħataw taħriġ dwar l-impatt tal-Vjolenza Domestika fuq it-tfal.
Dan it-taħriġ ingħata minn żewġ membri tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika Dr Clarissa Sammut Scerri u l-Psikoterapista Amanda Grech. It-taħriġ kien parti mis-sessjonijiet ta’ taħriġ għall-għalliema magħruf bħala COPE li sa ftit taż-żmien ilu kien jissejjaħ in-service training.
Minbarra l-effetti tal-Vjolenza Domestika fuq it-tfal, it-taħriġ kellu l-għan li jkabbar l-għarfien dwar il- vjolenza domestika, kif ukoll x’għandu jagħmel mal-għalliem meta jiltaqa’ ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
Dawn is-sessjonijiet huma parti minn proġett ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika biex jgħin lill-għalliem jgħaraf x’inhuwa ir-rwol tiegħu meta jiltaqa’ ma’ sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika.
Minn statistika tal-Kunsill tal-Ewropa joħroġ li waħda minn kull erba’ nisa jesperjenzaw każ ta’ Vjolenza Domestika f’ħajjithom.