Il-proġett tal-Kappara jkompli joqrob lejn l-aħħar fażijiet. Minn għada fid-9.00 ta’ filgħodu, l-kuntrattur ser jibda jqiegħed l-aħħar saffi t’asfaltar fuq in-naħa tal-Gżira.
Sa issa t-toroq kellhom biss livell wieħed t’asfaltar biex il-vetturi setgħu jibqgħu għaddejjin waqt li x-xogħol fuq in-naħa ta’ San Ġwann kien għadu għaddej. Issa li l-proġett wasal fl-aħħar fażijiet u x-xogħol prinċipali lest, il-kuntrattur se jagħti l-aħħar saffi t’asfalt fuq iż-żona kollha, biex jevita l-ġonot u jiffinalizza x-xogħol bl-aħjar mod possibli.
Bi ħsieb li jitnaqqas l-inkonvenjent lis-sewwieqa u x-xogħol jibqa’ għaddej, il-karozzi fiż-żewġ direzzjonijiet ser jgħaddu minn fuq il-pont tan-naħa ta’ San Ġwann, minn karreġġjata waħda għal kull direzzjoni.
Malli jkun lest l-asfaltar fuq in-naħa tal-Gżira, jibda l-asfaltar fuq in-naħa l-oħra. Għalhekk, isir l-istess arranġament tat-traffiku, fuq il-pont l-ieħor, fejn il-karozzi jibqgħu għaddejjin fiż-żewġ direzzjonijiet minn karreġġjata waħda għal kull direzzjoni.
Iż-żona hija sit ta’ kostruzzjoni għalhekk mitluba isuqu b’attenzjoni b’veloċita’ ta’ 30km/h.