one.com.mt aġġorna b’mod dirett mill-ismigħ pubbliku tal-ERA dwar l-impjant tal-gass f’Dellimara. L-iktar aġġornamenti riċenti jkunu fin-naħa ta’ fuq.
Il-Bord tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi approva l-permess ambjentali (IPPC) għall-impjant il-ġdid ta’ Dellimara. Id-deċiżjoni tfisser uoll li minbarra l-impjant il-ġdid, se tibda titħaddem bil-gass ukoll il-power station tal-BWSC.
B’vot ta’ tmienja favur u wieħed kontra, il-bord ħa deċiżjoni storika għaliex pajjiżna mhux se jibqa’ jiddependi fuq il-heavy fuel oil u se jibda juża l-gass fil-ġenerazzj
oni tal-elettriku tiegħu. Fost dawk favur kien hemm Alan Deidun li jirrappreżenta l-għaqdiet ambjentali.
L-uniku vot kontra kien ta’ Maria Attard li fil-bord tirrappreżenta lill-PN. Id-deċiżjoni ntlaqgħet b’ferħ mill-pubbliku preżenti.
16:22: Bħalissa għaddej skambju ta’ domandi u tweġibiet bejn il-membri tal-bord u l-esperti.
15:50: Spikka intervent ta’ raġel li jgħix fin-nofsinhar ta’ Malta u qal li jaħdem b
ħala ‘health scientist’. Fakkar kif meta ntgħażel l-HFO kien diġa’ ma jintużax madwar l-Ewropea kollha. “Studjajt u naf x’qed ngħid. Bejn heavy fuel oil u gass, ngħażel il-gass” iddikjara.
15.14: Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Joe Cutajar, qal li r-residenti ta’ Birżebbuġa kienu konsultati. “Jien indur Birżebbuġa tliet darbiet kuljum. Nitkellem man-nies fit-toroq. Dawn kollha kelma waħda. Iktar minn 90% jgħidulek li ċ-ċumnija mhix aċċettabbli,” qal Cutajar.
“X’inhu aċċettabbli li ġieli kellna perjodu li fi żmien xahrejn mietulna 15-il persuna bil-kanċer. Mela x’qed nistennew? Għar-residenti ta’ Birżebbuġa huwa fil-kuxjenza tagħkom ma tħallux di
k il-fabbrika tal-kanċer,” qal Cutajar f’appell imqanqal. Fakkar kif dwar impjanti oħra fl-akwati ħadd ma fetaħ ħalqu. “X’jiġri jekk jisplodi l-31 ta’ Marzu? Ħadd ma fetaħ ħalqu,” qal Cutajar.
https://www.youtube.com/watch?v=m2vXdVYxIco
14.58: Emanuel Psaila, Aġent Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, għamel referenza għal-rapport fil-midja fejn intqal li John Rizzo se jirtira minn Direttur għaliex mhux komdu bi tħejjijiet li saru. Psaila qal li s-Sur Rizzo ilu jippjana l-irtirar tiegħu għal diversi xhur. “Min irid iċempillu u jistaqsih. Qed nitkellem bil-permess tiegħu,” qal Psaila li xejjen gidba oħra li dehret fil-midja b’rabta ma’ dan il-proġett.
Indirizza wkoll kummenti ta’ biża’ li qamu. “Mis-safety report li għamilna s-sħaba ma tilħaq qatt lin-nies. Mela m’għandniex għalfejn nallarmaw il-poplu ta’ Marsaxlokk biex joħorġu,” qal Psaila.
https://www.youtube.com/watch?v=bDZx2cIDvQA
14.38: Wara l-interventi tal-esperti minn istituzzjonijiet differenti, li wieħed wieħed wieġbu għal kummenti ta’ Ann Fenech, reġa’ wasal għal ħin għal iktar kummenti. Kien imiss l-intervent ta’ Din l-Art Ħelwa li reġgħu nsistew li tkompli titkellem Ann Fenech. Iċ-chairperson ma laqgħetx it-talba u għalhekk għaddiet għall-kelliem li jmiss li kien id-deputat nazzjonalista Ryan Callus.
14.07: Wara intervent ta’ madwar siegħa ċ-chairperson tal-laqgħa qalet lil Ann Fenech li kellha ttemm id-diskors tagħha. Intervent li baqa’ jopponi kull aspett tal-proġett, sal-aħħar. Hawn qamet ir-rappreżentant ta’ Din l-Art Ħelwa, li qabel il-laqgħa ħadet kafè ma’ Fenech fil-kaffeterija tal-Istitut Kattoliku, u qalet li Din l-Art Ħelwa ma kinetx se titkellem biex ħinha tużah l-istess Ann Fenech.
13.23 Kif mistenni il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, qed targumenta li r-risposti li taw l-esperti tal-ERA ma indirizzawx it-tħassib li għandu l-Partit Nazzjonalista. U reġgħet fetħet attakk fuq l-argumentazzjoni tal-esperti li tkellmu qabilha. Bil-kliem “not acceptabble” ripetut għal iktar minn darba Ann Fenech opponiet b’qawwa l-proġett. Xejn ġdid. Adotatt l-istess attitudni li adottaw hi u l-Partit Nazzjonalista tul l-aħħar tliet snin.
Meta ċ-chairperson ġibditilha l-attenzjoni li dan huwa smigħ pubbliku u mhux laqgħa ta’ konsultazzjoni għalhekk kellha tillimita l-interventi tagħha, bħalma għamel ħaddieħor, Ann Fenech qalet li baqala ħafna xi tgħid.
Ċara r-reazzjoni tas-Sindku ta’ Birżebbuġa: “Se jagħmlu bħal fil-laqgħa ta’ Marsaxlokk. Jitkellmu huma biss u ma jingħata ċans ħadd.”
13.14: Intalab iwieġeb għar-rimarki ta’ Ciantar kelliem għall-Protezzjoni Ċivili li qal li mill-konsulenza li għandhom m’hemmx raġuni għaliex jistgħu jkunu milquta n-nies ta’ Marsaxlokk. Minkejja dan, kompla jfakkar, ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha. Taw tweġbiet ċari l-espert Papadakis u Halpin f’isem Electorgas.
12.50: Ftit tal-minuti ilu bdew l-interventi mill-pubbliku. Bl-ewwel intervent ikun tal-eks membru tal-Bord tal-Enemalta, fi żmien Tancred Tabone, l-Inġinier Arthur Ciantar. Mal-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, Ciantar ippreżenta protest ġudizzjarju biex l-ERA ma tapprovax dan il-permess.
Fil-fatt anke llum Ciantar wasal ma’ Fenech u kien il-ħin kollu bilqiegħda ħdejha. Kif mistenni reġa’ tenna dak li qal fl-aħħar jiem bħala oppożizzjoni għal dan il-proġett. Meta tkellem dwar aspetti tal-proġett qal li dawn jistgħu jkunu sfidati legalment. “Legalment nista’ nisfidaha u hekk beħsiebni ngħamel,” qal Ciantar b’ton drammatiku. Tkellem fuq kif jekk jiġri xi ħaġa (skont ir-rapporti remota ħafna) jkun hemm min jista’ jmut. Dlonk il-kummenti ta’ nies oħra mill-udjenza. “Qed immutu bil-kanċer mill-HFO,” qal resident ta’ Birżebbuġa.
12.17: L-Awtorità Maltija għar-Riżorsi għamlet ukoll il-preżentazzjoni tagħha. L-itwal waħda għaliex kienet preżentazzjoni bbażata fuq l-applikazzjoni tal-operaturi, l-istudji li kien hemm u anke l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Hawn reġa’ ssemma kif se jonqos it-tniġġiż u ngħataw tweġibiet għal diversi domandi li tqajjmu tul il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Dwar l-impatt ekonomiku ta’ dan il-proġett fuq ir-residenti l-esperti tal-ERA qalu li l-valur tal-proprjetà mhix se tonqos u lanqas se jkun hemm impatt negattiv fuq it-turiżmu. Saħansitra anke dwar il-ħruq tan-nar pirokteniku ingħata serħan il-moħħ fejn intqal li lanqas dan m’għandu joħloq diffikultà. Fuq kollox waqt l-istess preżentazzjoni ntqal li hemm benefiċċji ambjnetali li jgħelbu affarijiet oħra.
Minkejja dan kollu, il-permesss iġib miegħu ċerti kundizzjonijiet. U għalkemm hemm tliet operaturi; L-Enemalta, il-kumpanija D3PG ( li tmexxi l-BWSC ) u l-Electrogas, l-Enemalta ngħatat ir-rwol ta’ koordinatur u għalhekk ċertu responsabbiltà. Fil-preżentazzjoni kien innotat kif bl-approvazzjoni tal-permessi tkun tista tingħalaq Dellimara l-antika, li hija l-iktar power station li tniġġeż.
Il-preżentazzjoni tal-ERA qalet li hemm kundizzjonijiet dwar ħsejjes li se jkunu fil-permess u jingħad ukoll li għandu jitwaqqaf kumitat tat-tmexxija mal-Kunsilli Lokali kollha. Iż-żona se tkun meqjusa bħala no fly zone minħabba l-biża ta’ ajruplani li jtiru fil-baxx, xi ħaġa li teżisti diġa anke llum.
Dwar il-pjan ta’ emerġenza l-ERA qalet li dan jidħol fis-seħħ jekk ikun hemm aċċident maġġuri u żiedet li huwa minħabba raġuni ta’ sigurtà li dan ma kienx ippubblikat kollu.
Kien rakkomandat li jkun hemm numru ta’ garanziji bankarji bil-għan li jkun assigurat li jinżammu l-obbligi. Garanziji bankarji li jlaħqu jitilgħu sa ħames miljun ewro fil-każ tal-Electrogas.
11.30: Goerge Papadakis, espert internazzjonali, analizza l-proġett fid-dawl tad-direttiva ta’ Seveso. Din hi direttiva tal-Unjoni Ewropea li titkellem dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi. Għandha bħala għan il-protezzjoni kontra r-riskju ta’ inċidenti fl-użu industrijali ta’ ċerti sustanzi.
Għalhekk, dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li jitfasslu pjanijiet ta’ emerġenza esterni u interna għall-istabbilimenti kkonċernati. Papadakis għamel preżentazzjoni li matulha ra u analizza t-tħejjijiet li saru b’rabta ma’ dan il-proġett.
Qal li meta għaddew il-proċess kollu ħarġu b’lista ta’ riżultati. Riżultati li fi ftit kliem jgħidu li b’dak li sar fil-każ tal-impjant tal-gass dak li titlob id-direttiva huwa kopert.
11.09: Kelliem tal-Protezzjoni Ċivili tkellem dwar kif ħejjew huma għal din ir-realtà ġdida us-sigurtà tal-LNG. Anke jekk l-LNG huwa meqjus bħala sors sigur, spjega kif il-Protezzjoni Ċivili xorta qed titħejja għal kull eventwalità. Saħansitra ittieħed taħriġ barra minn pajjiżna u nxtraw vetturi ġodda b’waħda minnhom tasal f’pajjiżna fl-aħħar jiem. Qal li f’Dellimara nħoloq stazzjon tat-tifi tan-nar temporanju u se jinbena wieħed ġdid. Dan mhux biss minħabba l-power station iżda wkoll riżultat tad-diversi impjanti industrijali li hemm fiż-żona. “LNG ma jisplodix sakemm ma jkunx f’post ‘contained’,” qal l-espert tal-protezzjoni ċivili li beda juri dan bil-filmati li jqablu l-LNG mal-gass LPG li nsibu fid-djar tagħna.
10.47: Bi grafiċi dettaljati u pjanti murija fil-preżentazzjoni, r-rappreżentat ta’ Transport Malta tkellem dwar tliet studji li huma kollha marbutin mal-FSU (it-tanker li hemm sorġut Marsaxlokk) u l-vapur li se jġib LNG medja ta’ darba kull tmien ġimgħat.
“Ir-riskji huma baxxi ħafna. Għax fil-manuvri li jsiru meta jingħata l-LNG l-kaptan ikun assisti minn żewġ piloti oħra u hemm erba’ tug boats,” qal ir-rappreżentat ta’ Transport Malta li tkellem dwar kif mil-laqgħa ta’ konsultazzjoni ftit ġimgħat ilu kompla jinkiseb tagħrif importanti. “Irċivejna ċertifikazzjoni minn Bureau Veritas (ġganti internazzjonali fiċ-ċertifikazzjoni) li kemm il-vapur u anke l-jetty għandhom l-ogħla standards,” qal ir-rappreżentant ta’ Transport Malta.
Ikkonferma wkoll li se jibqa’ aċċess għad-dgħajjes żgħar minn naħat ta’ ġewwa u anke ta’ barra f’Ħas-Saptan.
“Se jkun hemm aċċess liberu,” temm jgħid fil-preżentazzjoni tiegħu.
10.39: Preżentazzjoni oħra kienet dik dwar il-power station tal-BWSC u kif din ukoll se tinqaleb għall-gass.
“Bil-gass, l-emissjonijiet huma ħafna inqas milli bl-HFO,” qalet rappreżentanta tal-kumpanija li topera din il-power station. Spjegat li fil-power station tal-BWSC hemm tmien magni. Erba’ se jitħaddmu bil-gass biss u erba’ se jistgħu jużaw ukoll id-diesel.
F’rapport tekniku ntqal li bil-heavy fuel oil jinħolqu 390 litru ta’ “urea” (tip ta’ tniġġiż) filwaqt bil-gass dawn jinżlu għal 70 litru.
“3,500 tunnelata ta’ skart (fly ahs) mhux se jibqgħu ikunu ġġenerati,” intqal f’rapport tekniku ieħor li minnu rriżulta kemm il-pajjiż jaqleb għall-gass.
Isegwu b’attenzjoni dawn il-preżentazzjoni m’hawnx biss ġurnalisti, iżda wkoll sindki u xi residenti, għalkemm mhux numerużi daqs dawk f’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika ftit ġimgħat ilu.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jsegwu lill-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech, id-deputat Ryan Callus u l-Inġinier Arthur Ciantar li kien fost tal-ewwel li wasal flimkien mal-avukat Fenech. Ciantar kien fil-bord tal-Enemalta fi żmien Tancred Tabone.
10.24: Catherine Halpin, f’isem l-Electrogas, spjegat il-proċess ta’ kif l-LNG se jasal fl-impjant ta’ Dellimara u tat rendikont dettaljat ta’ kif kien iddisinjat l-impjant. “M’għandniex xi ngħidu. Għandna l-ogħla standards internazzjonali,” qalet Halpin.
Żiedet kif l-ikbar ħaġa f’dan l-impjant hija l-qalba għall-gass u hi wkoll spjegat il-benefiċċji ambjentali u l-effiċjenza.
Halpin spjegat ukoll kif l-impjant il-ġdid inaqqas il-ħsejjes għaliex hemm teknoloġija maħsuba apposta.
“Se nkunu qed nimplimentaw kollox skont id-direttivi,” qalet Halpin.
Żiedet li r-rapport li għandha f’idejha l-Electrogas juri livelli għolja ta’ sigurtà u dan kien ukoll ippubblikat.
10.10: L-ewwel preżentazzjoni kienet tal-Enemalta bir-rappreżentant tekniku jispjega b’mod dettaljat kif b’deċiżjoni favur l-applikazzjoni tal-Enemalta, illum pajjiżna jkun qed jaqbleb minn Heavy Fuel Oil għall-gass. Dellimara One, l-iktar impjant antik, ma jibqax jintuża u Dellimara Three, dik magħrufa bħala tal-BWSC taqleb ukoll għall-gass.
“Se jitwaqqaf għal kollox it-trab fl-arja,” qal ir-rappreżentant tekniku tal-Enemalta.
9.54: Fil-bini tal-Istitut Kattoliku beda jiltaqa’ ftit tal-minuti l-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Il-bord għandu quddiemu l-applikazzjoni dwar il-permess ambjentali għall-impjant tal-gass f’Dellimara. Il-Professur Victor Axiak, iċ-ċerpersin tal-bord, mhux qiegħed jipparteċipa fil-laqgħa għaliex kien involut bħala konsulent indipendenti b’rabta mal-istess impjant. Qal li fl-aħħar tliet snin dejjem astjena milli jinvolvi ruħu f’laqgħat fejn ittieħdu deċiżjonijiet dwar din l-applikazzjoni.
L-ewwel nofs ta nhar ta’ dalgħodu l-laqgħa mistennija tkun iddominata mill-preżentazzjonijiet tal-esperti u l-applikanti. Biex wara nofs inhar issir id-diskussjoni u d-deċiżjoni. Din se tittieħed wara ġimgħat ta’ konsultazzjoni u studji tekniċi u dettaljati.