Tlett irġiel bdew għaddejjin ġuri t-Tnejn filgħodu dwar traffikar ta’ droga, f’każ li jmur lura għall-2008. Rio Micallef mill-Marsa, David Tabone min-Naxxar u Darren James Vella minn Birkirkara, li qed jiġu akkużati b’diversi kapi ta’ akkuża, jisħqu li mhumiex ħatja.
Il-ġuri tagħhom kellu jibda f’Settembru tas-sena li għaddiet, iżda kellu jiġi xolt wara li ġurat ta’ riserva baqa’ fl-awla meta mhux suppost, għax kienu nbdew it-trattattivi bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża dwar ix-xhieda.
Skont il-prosekuzzjoni, l-akkużati kienu ppjanaw li wieħed minnhom jipprovdi l-pilloli ecstasy, li mbagħad kellhom jinbiegħu mit-tnejn l-oħra.
Huma kienu arrestati f’Settembru tal-2008 wara li uffiċjali mit-taqsima tad-droga tal-Pulizija kienu segwew il-movimenti tagħhom. Il-Pulizija kienet ikkonfiskat borża sewda bi ftit inqas minn 2,000 ecstasy, b’valur fit-triq ta’ kważi €19,000, u €9,330 fi flus kontanti u miżien li jintuża fit-traffikar.
F’April tal-2019, il-Qorti tal-Appell Kriminali ddikjarat li l-istqarrijiet tat-tlett irġiel ma kinux ammissibbli ladarba dak iż-żmien ma kinux assistiti minn avukati.