F’nofsillejl daħal fis-seħħ embargo tal-Unjoni Ewropea fuq il-faħam Russu bħala parti mill-ħames pakkett ta’ sanzjonijiet, maħsuba biex ikomplu jitfgħu pressjoni fuq ir-Russja, li tinsab fi gwerra mal-Ukrajna.
Din hi l-ewwel miżura li mistennija tolqot il-provvista tal-enerġija direttament u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mhux se jkunu jistgħu jixtru faħam mir-Russja. B’hekk, tistma l-Kummissjoni Ewropea, ir-Russja għandha titlef mat-tmien biljun ewro fis-sena.
Il-ġurnal online euobserver innota li l-embargo jidħol fis-seħħ f’mument sensittiv ħafna għax l-Unjoni Ewropea diġà għandha sfida kbira fis-settur tal-enerġija, u teżisti l-biża’ li r-Russja twaqqaf il-provvista tal-gass fix-xitwa meta hi l-iktar meħtieġa biex jissaħħnu d-djar fil-pajjiżi tal-Ewropa li l-aktar li jitlaqtu mill-kesħa.
Pass li ħadet ir-Russja f’Lulju meta qatgħet mill-provvista tal-pipelines ewlenin tagħha wassal għal żieda fil-prezzijiet madwar l-Ewropa.
Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm qbil ukoll li l-pajjiżi Ewropej għandhom inaqqsu bi 15 fil-mija l-użu tal-gass naturali biex jipproduċu l-enerġija. Malta, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha, innegozjat biex tkun eżentata minn din ir-regola iżda, f’diversi pajjiżi, diġà bdew jittieħdu miżuri drastiċi. Fi Spanja qed tiġi kkontrollata t-temperatura tal-arja kundizzjonata u fil-Ġermanja qed jintfew id-dwal tat-toroq u l-pixxini pubbliċi ma jistgħux isaħħnu l-ilma. Dawn huma biss żewġ eżempji minn diversi.
Agħar minn hekk, hemm pajjiżi li kellhom iduru lura għall-faħam biex jipproduċu l-enerġija. L-Olanda bidlet il-liġi biex tħalli l-impjanti jaħdmu bil-faħam, u anke Franza u l-Awstrija qed jippjanaw li jagħmlu hekk qabel ix-xitwa. Il-Ġermanja tinsab fl-istess sitwazzjoni, bil-Ministru għall-Ekonomija jgħid li hi deċiżjoni qarsa iżda meħtieġa.