Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li s’issa bagħatet il-fuq minn 11,000 ‘Ittra tal-Insib’ bil-posta konvenzjonali lill-Kummissarju tal-Ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd tal-UE, Karmenu Vella. Il-FKNK iffinanzjat il-bollol bi spiża ta l-fuq minn €1,000, biex intbagħtu dawn l-ittri. Dan apparti l-bosta ittri simili li ntbagħtu lill-Kummissarju permezz tal-email.
L-ittra, li kienet ippreparata mill-FKNK sabiex tkompli bil-ħidma tagħha biex tibqa tissalvagwardja t-tradizzjoni soċjo-kulturali tal-insib tal-għasafar tal-għana f’isem l-eluf tan-nassaba membri tagħha, hija ffirmata individwalment u personalment minn ċittadini Maltin u Għawdxin.
Waqt laqgħa li kellhu l-Kummissarju ma uffiċjali tal-FKNK f’Settembru tal-2016 fl-Uffiċju tiegħu fi Brussell, kien qal li kien bi ħsiebu jibgħat risposta nġenerali lill-FKNK għall-ittri li kien qed jirċevi. Malli tirċevi din ir-risposta, l-FKNK tippubblikaha għall-benefiċju tal-eluf ta’ ċittadini li bagħtu l-ittra. Sadanitant, iIl-FKNK tkompli tħeġġeġ lil kull min hu kkonċernat b’din is-sitwazzjoni sabiex jibgħat l-ittra direttament lill-Kummissarju jew jgħaddiha lill-FKNK.