Iktar esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed jheddu li jekk Adrian Delia jsir Kap tal-Partit Nazzjonalista huma jitilqu mill-partit.
Għax jemmnu li Adrian Delia ma jirrappreżentax il-valuri li għandu jkollu l-kap tal-partit.
Fost dawk li fl-aħħar sigħat iddikjaraw dan, kien hemm Ray Bugeja, li ftit tas-snin ilu kkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan fl-elezzjoni fejn inħatar Simon Busuttil.
Ray Bugeja uża twitter biex iwassal messaġġ iebes ħafna. “Dejjem appoġjajt lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Din id-darba, nagħmel hekk biss jekk ikun elett Chris Said,” iddikjara Ray Bugeja.
Żied li jekk ma jiġrix hekk jitlaq, anke jekk bid-dwejjaq. “I shall simply, and sadly, move away,” qal Ray Bugeja. Il-kumment tiegħu sab l-appoġġ ta’ bosta, fosthom dak tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li tul l-aħħar ġimgħat ħareġ qatta’ bla ħabel kontra Delia.
Ray Bugeja mhux uniku fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.
Dan il-kumment isegwi dak tal-avukat David Griscti li tenna li l-Partit Nazzjonalista miet.
“The PN is dead,” kiteb Griscti fuq facebook ftit tas-sigħat wara li Adrian Delia spiċċa fuq quddiem fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għal Kap. Anke jekk il-kandidati ppreferuti ta’ Griscti, Said u Perici Calascione, flimkien ġabu iktar minn Delia l-President tal-AŻAD xejn ma deher kuntent bil-fatt li l-avukat Delia kiseb l-ikbar ammont ta’ voti.
Anke Manuel Delia, attivista tal-partit ta’ esperjenza, għamel il-kummenti tiegħu pubbliċi fuq il-blog tiegħu.
U saħansitra ssuġġerixxa li Chris Said għandu jikkunsdira jirtira mit-tellieqa biex Adrian Delia jkun irid iġib is-sitta u sittin fil-mija tal-voti.
Xi ħaġa li skont Delia jaf tkun iktar diffiċli milli jirbaħ lil Said.
Intant, Manuel Delia tkellem dwar kif il-maġġoranza tal-kunsillieri taw kas lir-rapport tal-etika għax ma vvotawx għal Adrian Delia u minflok għażlu lil Chris Said u Alex Perici Calascione.