Deċiżjoni oħra tal-Qorti tal-Familja li ngħatat fl-aħħar jiem tikxef ir-realtà iebsa fil-familji Maltin, mhux l-inqas tal-vjolenza domestika. Omm irrakkontat snin li matulhom kienet imsawta, bir-raġel jgħid li ma kinetx tkun fidila lejh u saħansitra f’emails kienet tiddeskrivih bħala “kurnut kuntent”. Hija sitwazzjoni oħra fejn it-tfal, f’dan il-każ ħamsa, spiċċaw jiżfnu fin-nofs bil-Qorti tiddikjara li t-tort tat-tifrik ta’ dan iż-żwieġ kien taż-żewġ partijiet.
Tul is-smigħ il-mara rrakkontat diversi episodji. Fosthom meta kienet ġiet operata f’daharha u għalhekk lanqas kienet tiflaħ terfa’ t-tarbija mis-sodda u kienet talbet l-għajnuna lil żewġha.
Peress li rrifjuta u kien se jibqa’ ħiereġ, kienet se ċċempel lil oħtha għall-għajnuna. “Iżda meta ra hekk, l-intimat kien irrabja ferm u beda jagħtiha ġo daharha, għonqha u rasha u jiġbdilha xagħarha. Hija ħarbet għal għand il-ġara, u meta ndunat li l-intimat kien ħareġ mid-dar u ħalla t-tfal weħidhom, hija marret lura d-dar u ċemplet lil ħuha, li mar jassistiha,” qalet fix-xhieda tagħha. Żiedet li hawn ingħatat il-parir li tirrapporta l-inċident lill-pulizija, iżda bejn għax beżgħet u bejn għax ħasbet li kien inċident iżolat, ma kinitx irrapportat.
Iżda, mix-xhieda ma rriżultax li kien każ iżolat.
F’Awwissu 2002, l-intimat kisser il-cot tat-tarbija għax il-mara rrifjutat li jkollha relazzjonijiet miegħu. F’April 2003, sawwat lit-tieni wild b’biċċa injama u għall-ewwel darba mar għand l-Aġenzija Appoġġ.
F’Settembru 2005, meta kienet tqila bir-raba’ wild, hija kkonfrontatu dwar xi sustanzi illeċiti li seta’ kien qed jagħmel użu minnhom. Filwaqt illi ma nnegax, l-intimat kien qabadha minn idha u mbotta lir-rikorrenti ġo ħajt, tant li kellha tmur għand il-ginekoloġista tagħha. F’dan l-istadju, ukoll ħadet parir legali u għamlet rapport lill-pulizija.
Iżda, mix-xhieda rriżulta li l-agħar kienu d-diversi okkażjonijiet oħra fejn heddidha li se jiġrilha bħal Silvia King, mara li sfat vittma t’omiċidju faħxi, li se jidfinha ħajja, li se jħassrilha wiċċha, li kellu ħbieb li se jeħilsuh minnha u ħafna theddid ieħor.
Ir-raġel jirrakkonta realtà differenti
Ir-raġel ċaħad ħafna minn dawn l-affarijiet, għalkemm il-Qorti kkonfermathom wara l-analiżi tagħhom.
Huwa jallega li martu kellha relazzjoni ma’ baħri li ltaqgħet miegħu fuq cruiseliner. Hija nqabdet tqila minn dan il-baħri, imma temmet it-tqala billi marret l-Ingilterra fejn wettqet abort. Wara dan l-abort, hija kellha tfal oħra fiż-żwieġ. Fl-2009, hija bdiet iddaħħal wieħed id-dar u r-raġel qabdu darbtejn jistennieh biex jitlaq mid-dar. Hija ammettiet li kienet iddaħħlu d-dar u li dan kien jeċita ruħu malli biss jgħannaqha. F’Lulju 2009 bdiet toħroġ u ddum barra sa kmieni filgħodu mentri l-intimat kien jibqa’ d-dar mat-tfal. Jgħid li kellha wkoll relazzjoni ma’ eks sieħeb tagħha li kienet tibgħatlu diversi chats u emails intimi fejn lir-raġel kienet tiddeskrivih bħala “kurnut kuntent”.
Dan l-artiklu tista’ ssibu fil-gazzetta KullĦadd