Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel farsa meta l-ewwel qal li l-Gvern ikkupjah bil-liġi li ressaq għall-użu responsabbli tal-kannabis, imbagħad ħareġ jgħid li kontra.
Dan is-sentiment qed jingħad minn Nazzjonalisti stess, fosthom deputati tal-fazzjoni meqjusa aktar liberali u li tinsab irrabjata li l-Kap ċeda għall-fazzjoni konservattiva tal-establishment fil-partit.
Dan hekk kif wara laqgħa oħra tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, fejn fiha ma kienx hemm qbil, finalment għaddiet tal-fazzjoni li tikkontrolla l-Kap Bernard Grech.
Dan il-fatt li Grech l-ewwel ried il-mertu tal-liġi l-ġdida, fuq parir tal-istrateġista tiegħu Chris Peregin, imbagħad il-Ġimgħa filgħaxija ħareġ kontriha, innutah il-Partit Laburista u anki s-sit LovinMalta f’artiklu li fih espona iżjed il-firdiet fil-partit ta’ Bernard Grech.
Imbagħad kien hemm l-għaqda Releaf, dik favur l-użu responsabbli tal-kannabis, li talbet lil Bernard Grech jispjega għaliex irid jibqa’ jibgħat il-ħabs nies mhux vjolenti waqt li jiffaċilita s-suq illegali tad-droga.
L-għaqda Releaf fakkret fil-każ ta’ Daniel Holmes li kien weħel il-ħabs meta dejjem sostna li l-ħames pjanti tal-kannabis li nqabad bihom kienu għall-użu personali tiegħu, iżda dak iż-żmien, fl-2011, il-liġi kienet differenti.
“Huwa ta’ dispjaċir li attitudni ħarxa tibqa’ tiggwida l-politika tal-Partit Nazzjonalista”, sostniet l-għaqda Releaf.
Intant l-għada li ħareġ iqatta’ biċċiet il-liġi proposta, Bernard Grech mar fuq ir-radju tiegħu jipprova jiġġustifika lilu nnifsu għaliex ma ħax sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liġi tal-kannabis.
Huwa qal, “Il-Gvern riedna illi aħna ngħidu l-pożizzjoni tagħna fiż-żmien tal-konsultazzjoni, aħna għidna le aħna rridu nisimgħu.”
Madankollu, fl-aħħar ġimgħat Bernard Grech inqabad ma jafx affarijiet bażiċi, bħal fatt li kienet ippubblikata White Paper diversi xhur ilu fuq is-suġġett.
Huwa sostna: “Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Grech, l-ewwel favur u issa kontra, ma żammewx lid-deputati, li fil-miftuħ tkellmu kontra r-riforma, fosthom il-Viċi Kap David Agius u d-Deputati Chris Said u Maria Deguara.
B’attakki li għamel fuq kandidati tiegħu stess dwar min hu favur l-abort, Bernard Grech ipprova jpaċi mad-deputati tiegħu li huma kontra r-riforma fil-liġi tal-kannabis. Manuvri li xorta waħda fallewlu u spiċċa jerġa’ jbiddel il-verżjoni u f’daqqa waħda jdur kontra r-riforma.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi sintomatika ta’ partit b’Kap fi kriżi mingħajr ebda sens ta’ tmexxija.
Il-Partit Laburista qal li d-dibattitu dwar il-liġi tal-kannabis issa jsir fil-Parlament u l-bżonn ta’ din ir-riforma jkompli jkun spjegat fid-dettall.