Il-proċess ta’ tilqim li għaddej f’Malta għaddej b’ritmu mgħaġġel ħdejn pajjiżi oħra, fosthom l-Awstrija.
Dan qalitu l-Ambaxxatriċi Maltija għall-Awstrija Natasha Meli Daudey waqt il-programm Twenty One, li jixxandar fuq ONE nhar ta’ Ħamis. Hawn spjegat li fl-Awstrija, bejn għaxra u ħdax fil-mija biss tal-popolazzjoni tlaqqmet kontra l-COVID-19.
Il-pajjiż li l-Kanċillier tiegħu kien ilmenta li Malta qed tirċievi wisq dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19, filfatt għamel xhur sħaħ f’lockdown.
Qalet kif, “Il-proċess tat-tilqim sejjer bilmod ħafna, speċjalment jekk wieħed iqabbel mal-proċess kif inhu sejjer Malta, meta Malta għandna ‘l fuq minn 20% tal-popolazzjoni li ġew imlaqqma, hawnhekk għandek biss bejn 10 u 11%, biex ngħid hekk sal-lum il-ġurnata.”
Waqt l-istess programm tkellem ukoll l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Eġittu Charles Sultana li qal s-sitwazzjoni tal-pandemija fl-Eġittu hija serja.
Spjega, “Bħalissa hawn żewġ vaċċini li qed jiġu offruti lin-nies, waħda taċ-Ċina u l-oħra tal-AstraZeneca. Biss għandhom threshold li jibdew ġeneralment min nies li għandhom ‘il fuq minn 40 sena ‘l fuq. Hemm registration process li trid issir fuq l-internet, imma l-affarijiet qed isiru, isiru naqa bil-mod again imħabba d-daqs tal-popolazzjoni.”
ONE News tkellem ukoll mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja, Joseph Cuschieri li qal kif f’dan il-pajjiż il-każijiet qed jiżdiedu, u qed isiru diversi protesti.
Minnħabba l-problemi ekonomiċi li affaċċjat il-Greċja tul il-pandemija, l-għajnuna lill-ħaddiema Grieġi ma kinitx l-istess għajnuna li ta l-Gvern Malti lill-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Hawnhekk diġa’ kien hawn problemi ekonomiċi kbar u din il-pandemija kompli tagħti daqqa minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha; ħwienet magħluqin, nies jitilfu l-impjieg, l-assistenza ma tistax tikkumparaha ma’ ta’ Malta.”