Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal lil dawk il-kandidati li rtiraw mill-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista li issa hi affari tagħhom.
Dan meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ firda fil-Partit Nazzjonalista, fejn disa’ kandidati rtiraw minn elezzjoni wara li ħassewhom imminati.
Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone, li anki kellu problemi mal-partit fi żmien Gonzi meta ma ħallewhx joħroġ għall-elezzjoni, qal li dan l-inkwiet ma ġarax l-ewwel darba.
Quddiem dikjarazzjonijiet tal-kandidati li rtiraw wara li ħassew li Nazzjonalisti qed jattakkaw Nazzjonalisti oħra, Schiavone qal li qed isir għaġeb fuq ix-xejn u li ma sarux manuvri kontra l-kandidati tal-fazzjoni Delia.
Id-deputat Ivan Bartolo ma tantx ħassu komdu jitkellem magħna u nfexx jattakkana.
David Thake spiċċa anki ħareġ facebook live għall-mistoqsijiet tagħna għaliex skontu ngħawwġu dak li jgħid hu.
Dak li kien qalilna li tilef il-kannoll, ma kellu l-ebda opinjoni fuq Nazzjonalisti li ngħataw il-ġenb u li qalu li ġew attakkati b’mod kattiv u personali.
Qalilna wkoll li hu jaħdem ma’ kulħadd.
Intant kien hemm deputati oħra li tkellmu dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, b’wieħed jgħid li ma jafx bis-sitwazzjoni u oħra tgħid li s-sitwazzjoni hija inkontrollabbli.
Deputati oħra kienu skomdi jwieġbu.
Dan filwaqt li Kap Bernard Grech ħarab ukoll milli jwieġeb u ma riedx jitkellem fuq il-kandidati li rtiraw u membri tal-kumitat li rriżenjaw għaliex esponenti tal-fazzjoni Simon Busuttil għamlu block vote kontra n-nies ta’ Adrian Delia.