Il-Moviment Graffitti akkuża lil Roberta Metsola li għandha d-demm fuq idejha wara li tat l-appoġġ tagħha lil dawk li sejħu kriminali tal-gwerra.
“Roberta Metsola kellha l-opportunità li tikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika billi turi solidarjetà mal-vittimi kollha tal-vjolenza,” qalet Graffiti, li żiedu li, minflok, għażlet li tieħu l-pożizzjoni favur impunità.
Fi stqarrija ntqal li bħalissa għaddej ġenoċidju f’Gaza, strixxa d-daqs ta’ Malta li fiha jgħixu żewġ miljuni u nofs Palestinjan. In-nies ta’ Gaza sfaw bla ilma, dawl u ikel wara assedju totali minn Iżrael.
Bombardamenti bla waqfien mill-ajru ħassru totalment żoni sħaħ u qatlu mijiet ta’ tfal, nisa u rġiel innoċenti. Saħansitra, nies li kienu qed jaħarbu lejn żoni hekk imsejħa “siguri” fuq ordnijiet tal-Istat Iżraeljan ġew ibbombardjati b’mod salvaġġ mill-armata Iżraeljana.
F’nofs dan kollu, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ħadet l-okkażjoni għal promozzjoni personali u r-ritratti, iżda dan mhux mingħajr ma injorat aspetti importanti li Graffiti semmew fl-istqarrija tagħhom.
Kien għalhekk li Metsola, u bħalha l-President tal-Kummissjoni Ewropea, kienu akkużati b’double standards.
“U ż-żjara u l-istqarrijiet ta’ Metsola kienu partikolarment diżgustanti, għax saru proprju waqt li Iżrael kien qed jintensifika l-azzjonijiet ġenoċidali tiegħu,” qalet Graffiti.