Il-Partit Nazzjonalista ħareġ bl-argument li l-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Chris Bonett ħareġ il-miżuri fl-immedjat biex jindirizza l-isfida tat-traffiku għax kien jaf li l-għada l-Partit Nazzjonalista kien se jtella’ attività politika li fiha kien se jiddiskuti t-traffiku.
Iżda mbagħad meta l-Ħadd, il-Partit Nazzjonalista nġabar l-ewwel barra u mbagħad ġewwa l-każin Nazzjonalista tal-Kalkara, filwaqt li sar attakk fuq il-miżuri tat-traffiku, ma ttellgħet l-ebda diskussjoni kif fil-fatt ingħad fi stqarrija uffiċjali ffirmata mix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut.
Il-fatti ilhom ċari.
Il-Ministru Bonett kien ilu jikkonsulta fuq sett ta’ miżuri qabel tħabbru tant li mar anki quddiem l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fejn għamel preżentazzjoni bil-miżuri li kien se jħabbar.
Miżuri li fost oħrajn jitkellmu dwar il-fatt li pajjiżna jkollu ekonomija li taħdem 24 siegħa.
F’dan ir-rigward intqal li diversi servizzi li jsiru fit-toroq ta’ pajjiżna, mhux se jsiru fil-peak hours – fl-aktar ħinijiet fejn it-toroq ikunu l-aktar ippakjati.
Dawn is-servizzi jinkludi tindif ta’ toroq, irranġar ta’ marki u tabelli fit-toroq u landscaping.
Dwar il-ġbir ta’ skart, qed isiru diskussjonijiet biex dan jibda jinġabar filgħaxija.
Iżda għall-Partit Nazzjonalista dawn is-sett ta’ miżuri tħabbru b’għażla lejliet li suppost kellu hu jiddiskuti t-traffiku, li fil-fatt ma għamilx.
Minflok qal li l-miżuri huma short-sighted imma mbagħad Bernard Grech qal li kienu kkupjati minn tiegħu, kif elenka l-Prim Ministru Robert Abela.
“Se nimplimentaw ukoll sett ta’ miżuri biex jindirizzaw l-isfida tat-traffiku ġewwa pajjiżna – rajna l-bieraħ lill-Ministru Chris Bonett juri direzzjoni bis-serjetà fuq dan is-suġġett. Dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li huma miżuri short-sighted – u l-bierah qalilna li sraqna l-proposti tiegħu. Naħseb nesa x’qal il-bieraħ dalgħodu.”